Għall-Pulizija kien gravi ħafna li għax mara barranija żifnet fis-sakra quddiem il-marċ waqt il-festa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema din kellha tittella’ l-Qorti.
Kieku l-Pulizija jtellghu l-Qorti lil kull min ikun fis-sakra waqt il-marċ tal-festa, jispiċċaw itellgħu l-Qorti mijiet jekk mhux eluf ta’ nies. Imma din kienet mara u barranija. Riedu jagħmlu show.
Weħlet €150. Purċinellata tal-Pulizija.
Min-naħa l-oħra min ilu jopera lukanda f’Buġibba (Hotel Damiani) bla permessi, tal-MEPA u tal-Awtorita’ tat-Turiżmu bil-kemm indunaw bih. Ħadd mill-awtoritajiet ma nduna. Possibli li ma kienx hemm min kien jaf ? Bir-reklami li hemm online dwar il-lukanda diffiċli ħafna biex ħadd ma induna bil-każ qabel, u għalaq għajnejh.
Imma kieku kienet mara barranija bil-bikini l-Pulizija kienet tinduna. Imma lukanda illegali mmexxija minn Maltin, mhux bil-bikini, dik donnu diffiċli biex jindunaw biha! La l-Pulizja, la l-enforcement officers tal-MEPA u l-anqas l-uffiċjali tal-Awtorita’ tat-Turiżmu. Ovvjament għax ħadd ma kien bil-bikini.
L-anqas ma jimporta xejn li min hu responsabbli minn dan kollu jibqa’ membru fuq il-Bord ta’ Transport Malta.
M’għandux x’jaqsam, qal kelliemi għall-Ministeru responsabbli meta kien mistoqsi jekk hux ser jintalab jirreżenja.
Għaliex m’għandux x’jaqsam? Min ma ħasibiex darbtejn biex b’mod sfaċċat jisfida l-liġijiet tal-pajjiż ma jistax ikun afdat bit-tmexxija ta’ awtorita’ pubblika.
Meta l-Gvern jafda u jipproteġi lil dan it-tip ta’ nies ifisser li qiegħed jipproteġi lil min jabbuża.
Meta l-Gvern jaħtar jew iħalli lil dan it-tip ta’ nies fuq il-Bordijiet qed jagħti messaġġ ċar: li hawn min hu il-fuq mil-liġi. Fil-passat għaddejna minn żminijiet simili, u tfarrak il-pajjiiż kollu magħhom.