Bil-mod il-mod qiegħed jidher ċar it-twemmin politiku tal-Partit Laburista ta’ Joseph.
Alfred Sant għaddielu partit li ried jittrasforma lil Malta bħala Svizzera fil-Mediterran. Joseph jidher li hu iffukat biex jittrasforma lil din ir-Repubblika bħala r-Repubblika tal-Banana fil-Mediterran. Anzi, fl-Unjoni Ewropeja.
Ir-Repubblika tal-Banana oriġinali għandha l-oriġini tagħha fl-Amerika Ċentrali u hi deskritta fil-kitba tal-awtur Amerikan O.Henry biex jiddiskrivi r-Repubblika fittizija ta’ Anchuria fil-ktieb tiegħu Cabbages and Kings, ġabra ta’ novelli ispirati mill-perjodu li hu għex fil-Honduras, maħrub mill-ġustizzja Amerikana in konnessjoni ma’ frodi ta’ bank.
Fil-politika d-deskrizzjoni Repubblika tal-Banana tfisser li fit-tmexxija tal-pajjiż l-interessi privati ta’ dawk li jmexxu u ta’ madwarhom jiġu qabel il-ġid komuni. Terminu li intuża spiss dwar diversi pajjiżi fl-Amerika Latina u Ċentrali.
Fir-Repubblika tal-Banana l-Prim Ministru jikri lilu innifsu bħala Prim Ministru l-karozza privata tiegħu stess. Kif qed jagħmel Joseph Muscat.
Fir-Repubblika tal-Banana fl-ewwel jum tas-setgħa jixkupa lil kulħadd mit-tmexxija tad-Dipartimenti tal-Gvern. Qiesu sar kolp ta’ stat. Kif għamel Joseph Muscat. Inkluż fl-Armata ta’ Malta.
Issa għandna l-aħħar waħda.
Fir-Repubblika tal-Banana meta tinqabad tmexxi Lukanda illegali bħal-Lukanda Damiani f’Buġibba qiesu ma ġara xejn. Jekk inti Direttur tal-Awtorita’ tat-Trasport tista’ tibqa’ hemm bħala Direttur għax l-etika fit-tmexxija tal-korpi pubbliċi hi biss materja ta’ interess akkademiku.
Repubblika tal-Banana …………….. fil-Mediterran. L-aħjar fl-Ewropa!