Illum l-Imħallef Lino Farrugia Sacco jagħlaq snienu, 65 sena, u jirtira. Il-lum ukoll, billi l-Imħallef Lino Farrugia Sacco kien qed jiffaċċja mozzjoni Parlamentari biex jitneħħa minn Imħallef, din l-istess mozzjoni tispiċċa.
Il-kritika li l-Opposizzjoni qed tagħmel lill-Gvern hi li illum hu Jum Iswed għall-kontabilita u dan minħabba li l-Gvern ta’ Joseph Muscat qagħad jistenna li jiġu fi tmiemhom il-proċeduri legali li kien beda l-Inħallef Farrugia Sacco. Kien ovvju li dawn kien baqa’ ftit mhux ħażin biex jiġu fit-tmiem tagħhom.
L-Opposizzjoni għandha raġun tikkritika lill-Gvern għax kaxkar saqajh biex jaġixxi – għax kien ovvju li ma riedx jaġixxi. Imma bħas-soltu l-Opposizzjoni tgħid biss biċċa mill-istorja. Il-biċċa li jaqblilha.
Kien ikun aħjar kieku l-Opposizzjoni tipprova tispjega għaliex il-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi ħalla għall-aħħar minuta, fi tmiem l-2012, biex iressaq il-mozzjoni għat-tneħħija tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco.
L-Imħallef Farrugia Sacco kien ilu s-snin jisfida l-Kodiċi tal-Etika tal-Imħallfin. Il-Gvern immexxi mill-PN, iżda, ma għamel xejn. Kieku l-Gvern immexxi mill-PN kien serju l-mozzjoni ressaqha snin qabel. Kieku ilna b’deċiżjoni.
Imma dan kieku l-Gvern tal-PN kien serju. Hu ovvju għal kulħadd li la Muscat ma jrid is-serjeta’ u l-anqas Gonzi ma riedha qablu ġhax anke Gonzi kaxkar saqajh.
Ma hemmx x’tagħżel bejniethom.
It-tnejn, kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista huma responsabbli biex fil-konfront tal-akkużi li għandu l-Imħallef, il-Parlament hu impotenti.