Busuttil fuq il-passi ta’ Gonzi : għan-niżla

Gonzi.Busuttil 2

 

F’diskors riċenti Simon Busuttil qal li hu bniedem differenti. M’għandux x’jaqsam mal-predeċessuri tiegħu. Qalilna li għandu ideat differenti għax iħares il-quddiem wara li tgħallem mill-iżbalji tal-passat.

Fost l-iżbalji tal-passat hemm il-posizzjoni ta’ Lawrence Gonzi li sfida l-vot tar-referendum favur id-divorzju.  Hemm ukoll il-posizzjoni inumana li l-Gvern Nazzjonalista immexxi minn Lawrence Gonzi ħa kontra t-transesswali. Dwar dan kien għamel apoloġija Mario de Marco għan-nom tal-PN.

Minn dan kollu l-PN ma tgħallem xejn. Għax kuntrarju għal dak li qal Simon Busuttil, taħt it-tmexxija ta’ Busuttil innifsu l-PN ma ivvutax favur il-Liġi li introduċiet l-Unjoni Ċivili. Busuttil baqa’ miexi fuq l-istess passi ta’ Gonzi, jisfida ir-raġuni u s-sens komun.

Il-lum f’artiklu (b’mod ironiku intitolat The Right Man for the Job) miktub minn Frank Psaila  li sal-elezzjoni ta’ Marzu 2013 kien Direttur Informazzjoni tal-PN, Busuttil ġie għal darba oħra ikkritikat b’dan l-iżball. Żball li iktar kmieni f’dan il-blog jiena iddeskrivejtu bħala wieħed li mhux ser jintesa.

Jekk hux the right man for the job jew le, ma jinteressanix. Li hu ċar pero hu li m’hemmx differenza minn ta’ qablu.  Miexi fuq il-passi ta’ Gonzi: għan-niżla (jekk hu possibli li tinsel iktar l-isfel).