X’għandu f’moħħu l-Partit Laburista dwar il-Kunsilli Lokali? Id-diffikulta li għandi huma is-sinjali konfliġġenti li qegħdin joħorġu mill-Partit Laburista.
Nibda mill-Manifest Elettorali ta’ l-aħħar elezzjoni li naħseb li għandu xi forma ta’ rabta!
Il-Manifest Elettorali Laburista jipproponi rwol ikbar għall-Kunsilli Lokali milli għandhom illum. Prinċipalment jiffoka fuq rwol ċentrali għal Kunsilli Lokali fil-qasam tal-politika soċjali, fl-aspetti kollha tagħha. Jipproponi ukoll involvement fl-ippjanar, fi proġetti dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u fiż-żamma ta’ kwalita’ fiż-żoni turistiċi. Jipproni ukoll t-tisħiħ tal-funzjonijiet eżistenti, bħar-rwol fl-istrateġija dwar l-immaniġjar tal-iskart.
Il-Labour, fil-Manifest Elettorali jipproponi rwol ukoll lokali fil-qasam tal-kultura u sport.
Hemm ukoll il-vot mas-16 li l-Labour ħadu mill-Manifest taż-Żgħażagħ ta’ Alternattiva Demorkatika fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2008. (Irrid inżid li din il-proposta hi amplifikata fil-Manifest ta’ AD għall-elezzjoni tal-2013 biex tinkludi vot ukoll fl-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali kif ukoll fl-Elezzjonijiet Ġenerali.)
Fid-dawl ta’ dan kollu bil-fors li wieħed jistaqsi x’ġara biex f’daqqa waħda hemm ħafna diskors li jindika attitudni differenti da parti tal-Partit Laburista fil-konfront tal-Kunsilli Lokali?
L-ewwel bdejna bil-proposta li jkunu posposti l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li huma ippjanati għall-2015 u l-2016. Għandna artiklu tal-Kunsillier Laburista f’Ħal-Balzan Desmond Zammit Marmara li qiegħed irewwaħ dwar jekk wara kollox għandniex bżonn il-Kunsilli Lokali.
Il-Kunsilli Lokali huma ħolqa importanti fil-proċess demokratiku fil-pajjiż. Hemm garr kontra l-Kunsilli Lokali bħalma hemm garr kontra d-Dipartimenti tal-Gvern. Dan huwa naturali għax mhux kollha jaħdmu bl-aħjar mod. Saru l-iżbalji ukoll għax mhux kull min ġie elett kien kapaċi jmexxi. Hemm uħud li jeħtieġu li jtejbu l-operat tagħhom.
Imma hu fatt rikonoxxut minn kull min hu ta’ rieda tajba illi l-pajjiż huwa ħafna aħjar bil-Kunsilli Lokali. Għamlu differenza kbira u dan billi l-lokalitajiet qed jieħdu ħsiebhom residenti eletti mill-istess lokalitajiet.
Ma hu veru xejn li n-nies għejjiet tivvota! Kieku dan hu l-każ m’għandniex rati għoljin ta’ votazzjoni.
Anke għall-Kunsilli Lokali, rata ta’ votazzjoni ta’ madwar 66% (li għal uħud f’Malta hi baxxa) hi ferm għola minn dawk li jivvutaw f’pajjiżi oħra Ewropej. Fir-realta’ n-nies f’Malta tieħu ġost tivvota.
Bħal kull ħaġa oħra l-Kunsilli Lokali jistgħu jkunu imtejba. Tajjeb li jkun hemm diskussjoni dwar dan. Imma ħażin li jkun hemm minn jipprova jbagħbas il-kredenzjali demokratiċi tas-sistema tal-Gvern Lokali. Ikun tajjeb li kulħadd jitkellem ċar.