Wara li fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta 12 u l-Erbgħa 13 ta’ Awwissu ma kellniex elettriku, uħud għal ħin qasir u oħrajn għal ħin itwal huwa tajjeb li nitkellmu bil-kalma dwar dak li ġara.
L-uffiċjali tal-Korporazzjoni Enemalta tkellmu mal-istampa u qalu li s’issa ma jirriżultax li l-ħsara kienet b’xi mod konsegwenza ta’ xi ħaġa li għamlet il-Korporazzjoni jew l-impjegati tagħha.
Nistennew mela ħalli naraw kif seħħ l-inċident.
Ovvjament l-inċident hu assoċjat ma difett li irriżulta fil-cables deħlin fid-Distribution Centre tal-Marsa. Il-bieraħ rajt xi ritratti interessanti online dwar dawn il-cables imma illum dawn donnhom għosfru. Ma nistax insibhom. Bħalma l-anqas ma nista’ nsib kummenti interessantissimi dwar dawn ir-ritratti li taw spjegazzjoni li tista’ tagħmel ħafna sens dwar x’seta’ wassal għall-inċident.
Min jaf forsi jerġgħu jitfaċċaw dawn l-imberkin ritratti.
Inċident dejjem jista’ jiġri lil kulħadd. Minnu tipprova titgħallem. Ankè jekk f’xi ħin jirriżulta illi sar xi żball oħxon x’imkien.
X’tgħallimna?
L-iktar lezzjoni ovvja li suppost nitgħallmu darba għal dejjem hi li m’aħniex ippreparati. Mhux biss il-Korporazzjoni Enemalta li damet ħafna ma ipprovdiet l-elettriku mill-ġdid lil kull min kien jeħtieġu għal kważi 24 siegħa teħtieġ titgħallem, imma ukoll l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA).
Il-ħtija tal-MIA hi kbira u l-effetti fuq it-turiżmu huma kbar ukoll. Il-bieraħ wara nofsinnhar l-MIA għamlet apoloġija pubblika u wegħdet li ma terġax. Dan mhux biżżejjed. Avolja l-MIA illum il-ġurnata hi f’idejn is-settur privat xorta għandha l-obbligu li tkun ippreparata. MIA li tgħaffeġ tagħmel il-ħsara lit-turiżmu, ħsara li mhiex żgħira u li ma titkejjilx bl-euros. Hi ħsara lir-reputazzjoni. Ir-reputazzjoni tibnija bil-mod imma titlifha f’ħakka t’għajn.
X’ser jagħmel il-Ministru tat-Turiżmu? Ser jinvestiga x’wassal biex l-MIA ma kienitx ippreparata tant li għal xi ħin kellu jagħlaq l-airport?
Nistennew lill-Ministri Konrad Mizzi u lil Edward Zammit Lewis għax bħalissa ma issibhomx b’nemes. Għandhom ħafna x’jispjegaw.