Il-Partit Nazzjonalista (issa) għandu bżonnok

PN imxaqqaq

 

Uħud qed jirċievu dan il-messaġġ, li “l-Partit Nazzjonalista għandu bżonnok”. Għax it-tmexxija tal-lum li għandu l-Partit Nazzjonalista tixtieq li terġa’ tibni l-Partit mill-ġdid. Tibni mill-ġdid, jiġifieri, dak li hu mkisser.

Pero’ min irid jibni lill-PN mill-ġdid jeħtieġlu l-ewwel u qabel kollox jara kif u għaliex dan il-partit tfarrak .

Meta taqra r-rapport tat-telfa miktub minn Ann Fenech tifhem ftit għaliex il-PN tfarrak. Dan ma tifhmux biss minn dak li hemm fir-rapport – dik il-parti tar-rapport li hi pubblika. Imma tifhmu mir-raġunament li hemm żviluppat fir-rapport.

Qiesu kullħadd għandu tort, apparti l-PN.

Ħadd ma fehem biżżejjed lill-PN.

Fir-rapport ta’ Ann Fenech jingħad li l-awtoritajiet kienu jissabotaġġaw lill-Gvern immexxi mill-PN. Imkien iżda ma jwasslu dan l-argument għall-konklużjoni loġika tiegħu: li l-Ministri u l-istaff fis-segretarjat privat tagħhom kienu inkompetenti jekk ma ndunawx b’dan is-suppost sabutaġġ u ma ħadux passi dwaru. Wara kollox il-Bordijiet għalhekk kellhom bħala membri tagħhom numru mhux żgħir ta’ membri li kapaċi ħafna biex imeċilqu u jilaqgħu. Altru minn sabutaġġ!

B’dan it-tip ta’ raġunament wieħed malajr jasal għall-konklużjoni li dak li jista’ jerġa’ jinbena malajr jerġa’ jikkrolla għax il-pedamenti huma dgħajfa.

Imma l-PN għadu ma skużax ruħu talli sfida r-riżultat tar-referendum dwar id-divorzju. L-anqas għadu ma skużax ruħu dwar il-fjask tat-tejatru bla saqaf, fejn qiesu ħadd ma jifhem ħlief il-Gvern.

L-arroganza u n-nuqqas ta’ boxxla soċjali fir-riforma tat-Tarżna jew ir-riforma tat-trasport pubbliku qiesha ma kienitx issue. L-anqas it-trasformazzjoni tal-PN mill-ġdid f’partit konservattiv ma ngħata importanza fir-rapport tat-telfa.

Hemm dawk li tant huma arroganti li jidhrilhom li min ivvota kontra l-PN f’Marzu 2013 għamel żball oħxon.   Ma dawn ma tistax tiddiskuti.

Uħud minn dawn appoġġaw u/jew ivvutaw favur diversi miżuri li ħa l-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi. Iżda issa dawn l-istess persuni jkunu fuq quddiem jagħtu l-appoġġ lir-residenti meta dawn jipprotestaw kontra dawn l-istess miżuri li daħħal il-PN fil-Gvern.

Bid-dmugħ tal-kukkudrilli l-PN ma jerġax jinbena mill-ġdid.