Ir-riżenja ta’ Warsi ………… kontradizzjonijiet fil-politika barranija

Baroness-Sayeeda-Warsi

 

Ir-riżenja tal-Barunissa Sayeeda Warsi minn Ministru fl-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit seħħet illum.

Warsi li hi Musulmana ta’ oriġini Pakistana qalet fl-ittra ta’ riżenja tagħha li l-posizzjoni tal-politika tar-Renju Unit dwar Gaża u l-massakru li wettaq l-Iżrael hi waħda li mhiex moralment aċċettabbli.

F’dan l-istadju nagħmel riflessjoni waħda: dak li qed tgħid Warsi japplika ukoll għal diversi pajjiżi, inkluż għal Malta.

Fil-politika barranija tagħna insostnu appoġġ għal soluzzjoni għall-konflitt fil-Lvant Nofsani li għandha tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żewġ stati: wieħed Iżraelit u l-ieħor Palestinjan. Min-naħa l-oħra nagħtu appoġġ lir-refuġjati Palestinjani li ġustament isostnu d-dritt li jirritornaw lura f’arthom li minnha ġew miknusa l-barra mill-qawwa militari Lhudija tul is-snin.

Sfortunatament, filwaqt li dawn huma żewġ posizzjonijiet li jdoqqu għall-widna, huma kontradittorji. L-appoġġ għar-refuġjati Palestinjani u għad-dritt tagħhom li jirritornaw lura f’arthom ifisser li għandhom jieħdu lura l-artijiet li minnhom tkeċċew. Dawn l-artijiet li minnhom tkeċċew illum il-ġurnata jiffurmaw l-istat tal-Iżrael.

Ma tistax għaldaqstant tappoġġa fl-istess ħin l-eżistenza tal-istat tal-Iżrael u d-dritt tal-Palestinjani li jirritornaw lura f’arthom. Jew waħda jew l-oħra.

Il-politika barranija Maltija dwar il-Palestina hi bħal dik tar-Renju Unit: sieq waħda l’hawn u oħra l’hemm.

Advertisements