Joseph u r-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa

kaccaturi-2

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jikkunsidra li l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali jibdew isiru kull ħames snin, mal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Probabilment li dan ifisser ukoll li l-elezzjonijiet kollha lokali li kellhom isiru sal-2019 ikunu posposti sadakinnhar.

Issa kif jaf kulħadd probabilment li r-referendum abrogattiv dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa jsir f’Marzu li ġej, Marzu 2015, preċiżament ma numru ta’ elezzjonijiet lokali li sal-lum il-liġi torbot li jsiru: elezzjonijiet f’34 Kunsill Lokali.

Din il-mossa hi interpretat minn uħud bħala pass ta’ appoġġ minn Joseph u l-Gvern tiegħu favur il-kaċċa fir-rebbiegħa. Jagħtihom appoġġ billi jnaqqas dawk l-affarijiet li jagħmluha iktar faċli illi tmur tivvota.

Joseph kien daqshekk ġentili li qalilna illi din m’għandha tagħmel l-ebda differenza għal dawk li għandhom daqshekk entużjażmu biex isir dan ir-referendum. Ta’ l-inqas hekk irrappurtat il-Malta Today illum fir-rapport intitolat Standalone Referendum shouldn’t trouble eager supporters.

Xi ftit effett anke jekk żgħir jista’ jkun hemm. Pero’ kull deni ħudu b’ġid: hemm ukoll il-possibilita’ li jekk ikun ċar li l-Gvern ser jilgħab maħmuġ billi jfittex l-opportunitajiet biex jagħti l-gambetti, allura l-effett jista’ wara kollox ikun bil-maqlub ta’ dak li għandu f’moħħu l-Gvern.

Għax il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma jridx li r-referendum abrogattiv iwassal biex il-kaċċa fir-rebbiegħa  tieqaf.  M’għandi l-ebda dubju li din hi l-ewwel waħda minn diversi mossi jew tricks biex jagħti daqqa t’id.

Tajjeb li kulħadd jiftaħ għajnejh.