L-Imħallef Wenzu Mintoff

w_mintoff

Il-ħatra ta’ Wenzu Mintoff bħala Imħallef inevitabilment terġa’ tiftah il-polemika jekk min kien fil-politika għandux ikun ikkunsidrat għal ħatra fil-ġudikatura.

L-argument fil-fehma tiegħi m’għandux ikun l-impenn politiku, passat jew riċenti, imma jekk il-persuna nominat għandiex il-kompetenza biex taqdi d-doveri ta’ ġudikant.

Kellna diversi ġudikanti Maltin li ġew maħtura fuq il-bank tal-ġudikatura anke direttament mid-dinja politika.

Kellna l-każ tat-tieni Prim Ministru ta’ Malta. Francesco Buhagiar fis-sena 1924 kien ħatar lilu innifsu Imħallef u wara irriżenja minn Prim Ministru. Iċ-ċajta fis-snin għoxrin kienet li dan ħares fil-mera u lix-xbieha ta’ quddiemu qalila “minn għada, int Imħallef” ! Buhagiar kien mill-Unione Politica Maltese, wieħed miż-żewġ partiti li eventwalment ingħaqdu w iffurmaw il-Partit Nazzjonalista fl-1927.

Kien hemm ukoll il-każ ta’ Luigi Camilleri, ukoll fis-snin għoxrin. Kien elett fil-Parlament biex jirrappreżenta lil Għawdex f’isem il-Partit Demokratiku Nazzjonalista immexxi min-Nerik Mizzi. Sussegwentement inħatar Maġistrat ta’ eta żgħira, eventwalment Imħallef u fis-snin 50 temm il-karriera tiegħu bħala Prim Imħallef.

Waqt il-gwerra kien hemm il-każ ta’ George Borg mill-Partit Kostituzzjonali ta’ Gerald Strickland li fl-1941 inħatar Prim Imħallef meta l-Ingliżi warrbu lil Sir Arturo Mercieca minn Prim Imħallef.

Fis-snin 50 kien hemm żewġ Ministri tal-Edukazzjoni fil-Gvernijiet immexxija minn George Borg Olivier, Carmelo Schembri u Fortunato Mizzi li t-tnejn inħatru fil-ġudikatura. Schembri fis-snin 80 kien ukoll Prim Imħallef. It-tnejn kienu eletti f’isem il-PN fil-Parlament.

Fis-snin 50 kellna lil Ġuże’ Flores, wieħed mill-ahjar avukati fil-kriminal li qatt ipproduċa dan il-pajjiż.  Flores kien Speaker nominat mill-Partit Laburista fl-1955 meta nħatar Imħallef. Irtira fil-bidu tas-snin 70 bħala Viċi President tal-Qorti Kostituzzjonali.

Iktar riċenti kellna lill-Imħallef Joseph Filletti u lill-Imħallef Lino Agius, irtirati dan l-aħħar li t-tnejn kienu kandidati mal-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-1971. Kellna ukoll lill-Imħallef Philip Sciberras li fis-sena 1977 kien Membru Parlamentari elett flok Ġuże’ Abela f’isem il-Partit Laburista, u lil Peppinu Cassar li kien Segretarju Parlamentari għad-Djar f’isem il-PN li nħatar Maġistrat fl-1998, jew lil Lorraine Schembri Orland li ikkontestat l-elezzjoni ġenerali tal-1987 mal-PN u inħatret Imħallef ricentement.

Il-lista hi twila u ma nafx jekk ħallejtx lil xi ħadd barra.

L-argument m’għandux ikun li persuna għax kienet involuta fil-politika tiskwalifika ruħha. Għandna nfittxu jekk il-persuna nominata għall-ġudikatura hiex kapaċi kif ukoll jekk hiex persuna ta’ integrita.

L-istorja għandha tieqaf hemm u dan għal kull ħatra li issir.

Inkun prużuntuż jekk ngħid iktar.

Ippubblikat ukoll fuq iNews : il-Ħamis 17 ta’ Lulju 2014

6 comments on “L-Imħallef Wenzu Mintoff

  1. Is this the same Wenzu Mintoff who was one of the founders of AD? Gee Carmel I thought you might have mentioned that..in the meantime most Maltese gave a political leaning and Wenzu is no different. Let’s hope he makes a good judge..

  2. Naħseb punt ieħor importanti li ma ssemmiex hu illi ġudikant għandu jkun midħla sew tad-dinja tal-qorti. Meta fil-passat m’hux daqshekk ‘il bogħod inħatru ġudikanti illi kienu sajmin mill-prattika tal-qorti, batew ferm u m’hux dejjem ingranaw, anke wara snin fl-awla. Dan ta’ detriment għall-proċess ġudizzjarju u għall-individwi illi jfittxu ġustizzja. U dan jgħodd ferm u ferm aktar għall-imħallfin fejn il-kwistjonijiet jistgħu jkunu ferm aktar intrikati.

  3. Hemm ukoll Albert Borg Olivier de Puget, neputi ta’ George Borg Olivier u Membru Parlamentari tal-PN għal ħafna snin li nħatar Maġistrat fil-bidu tas-snin 80 mill-Gvern immexxi mill-Perit Mintoff. Fl-1987 il-Gvern Nazzjonalista ħatru Ambaxxatur Pariġi.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s