L-Imħallef Wenzu Mintoff

w_mintoff

Il-ħatra ta’ Wenzu Mintoff bħala Imħallef inevitabilment terġa’ tiftah il-polemika jekk min kien fil-politika għandux ikun ikkunsidrat għal ħatra fil-ġudikatura.

L-argument fil-fehma tiegħi m’għandux ikun l-impenn politiku, passat jew riċenti, imma jekk il-persuna nominat għandiex il-kompetenza biex taqdi d-doveri ta’ ġudikant.

Kellna diversi ġudikanti Maltin li ġew maħtura fuq il-bank tal-ġudikatura anke direttament mid-dinja politika.

Kellna l-każ tat-tieni Prim Ministru ta’ Malta. Francesco Buhagiar fis-sena 1924 kien ħatar lilu innifsu Imħallef u wara irriżenja minn Prim Ministru. Iċ-ċajta fis-snin għoxrin kienet li dan ħares fil-mera u lix-xbieha ta’ quddiemu qalila “minn għada, int Imħallef” ! Buhagiar kien mill-Unione Politica Maltese, wieħed miż-żewġ partiti li eventwalment ingħaqdu w iffurmaw il-Partit Nazzjonalista fl-1927.

Kien hemm ukoll il-każ ta’ Luigi Camilleri, ukoll fis-snin għoxrin. Kien elett fil-Parlament biex jirrappreżenta lil Għawdex f’isem il-Partit Demokratiku Nazzjonalista immexxi min-Nerik Mizzi. Sussegwentement inħatar Maġistrat ta’ eta żgħira, eventwalment Imħallef u fis-snin 50 temm il-karriera tiegħu bħala Prim Imħallef.

Waqt il-gwerra kien hemm il-każ ta’ George Borg mill-Partit Kostituzzjonali ta’ Gerald Strickland li fl-1941 inħatar Prim Imħallef meta l-Ingliżi warrbu lil Sir Arturo Mercieca minn Prim Imħallef.

Fis-snin 50 kien hemm żewġ Ministri tal-Edukazzjoni fil-Gvernijiet immexxija minn George Borg Olivier, Carmelo Schembri u Fortunato Mizzi li t-tnejn inħatru fil-ġudikatura. Schembri fis-snin 80 kien ukoll Prim Imħallef. It-tnejn kienu eletti f’isem il-PN fil-Parlament.

Fis-snin 50 kellna lil Ġuże’ Flores, wieħed mill-ahjar avukati fil-kriminal li qatt ipproduċa dan il-pajjiż.  Flores kien Speaker nominat mill-Partit Laburista fl-1955 meta nħatar Imħallef. Irtira fil-bidu tas-snin 70 bħala Viċi President tal-Qorti Kostituzzjonali.

Iktar riċenti kellna lill-Imħallef Joseph Filletti u lill-Imħallef Lino Agius, irtirati dan l-aħħar li t-tnejn kienu kandidati mal-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-1971. Kellna ukoll lill-Imħallef Philip Sciberras li fis-sena 1977 kien Membru Parlamentari elett flok Ġuże’ Abela f’isem il-Partit Laburista, u lil Peppinu Cassar li kien Segretarju Parlamentari għad-Djar f’isem il-PN li nħatar Maġistrat fl-1998, jew lil Lorraine Schembri Orland li ikkontestat l-elezzjoni ġenerali tal-1987 mal-PN u inħatret Imħallef ricentement.

Il-lista hi twila u ma nafx jekk ħallejtx lil xi ħadd barra.

L-argument m’għandux ikun li persuna għax kienet involuta fil-politika tiskwalifika ruħha. Għandna nfittxu jekk il-persuna nominata għall-ġudikatura hiex kapaċi kif ukoll jekk hiex persuna ta’ integrita.

L-istorja għandha tieqaf hemm u dan għal kull ħatra li issir.

Inkun prużuntuż jekk ngħid iktar.

Ippubblikat ukoll fuq iNews : il-Ħamis 17 ta’ Lulju 2014

Meta ser tiġbru lura dawk l-€4 miljuni?

euros floating in space

Issa li l-Gvern iddikjara li ma jaqbilx mal-finanzjament tal-partiti politiċi mill-istat, jista’ xi ħadd għan-nom tal-Gvern jgħidilna meta ser jinġabru lura l-€4 miljuni li matul dawn l-aħħar għoxrin sena ingħataw lill-PN u lill-PL?

€100,000 għall-PN u €100,000 oħra għall-PL kull sena mill-1994 sal-lum jammontaw għal-€4 miljuni.

Ta’ l-inqas għandna d-dritt li nistennew li tkunu konsistenti!

budget fpp

B’id waħda jgħid le u bl-oħra jgħid iva

Bonnici.fpp

 

Fi stqarrija għall-istampa l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici wieġeb għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħtieġa li l-istat għandu jiffinanzja lill-partiti politiċi.

Owen qal li issa mhux il-waqt.

Issa, qal Owen, hu meħtieġ li tgħaddi l-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u wara numru ta’ snin taħdem sewwa, imbagħad ikun  il-mument li nikkunsidraw jekk, meta u kif għandu jsir il-finanzjament tal-partiti politiċi mill-istat.

Owen għandu żball. Għax il-finanzjament tal-partiti politiċi mill-istat Malti diġa qiegħed isir. Ilu jsir 20 sena u jibbenefikaw minnu biss il-PN u l-PL.

Biċċa xogħol għal Owen biex isib tarf ta’ din il-problema: min-naħa waħda l-Gvern tiegħu jgħid li għalissa ma jridx jagħti finanzi lill-partiti politiċi u min-naħa l-oħra fil-budget ta’ kull sena l-Gvern stess jagħti €100,000 lill-Partit Nazzjonalista u €100,000 lill-Partit Laburista.

B’id waħda l-Gvern qiegħed jgħid le u bl-oħra qiegħed jgħid iva.

Iva jew le?

budget fpp