Beppe Fenech Adami qed jgħid li l-Gvern għandu jikkonsidra li jkun hemm il-finanzjament tal-partiti politiċi mill-istat. Alternattiva Demokratika ilha is-snin tgħid hekk u l-partit ta’ Beppe fil-Gvern sas-sena l-oħra dejjem qal le għal dak li qalet Alternattiva Demokratika.
Beppe m’għandux idea x’inhu jgħid. Għax l-istat Malti ilu jiffinanzja lill-partiti politiċi fil-Parlament sa mill-1994. Kull sena kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista ingħataw somma flus mill-budget, ivvutata fil-budget tal-Parlament.
Fil-budget għal din is-sena, bejniethom ħadu €200,000. Kif jidher fl-estratt ta’ hawn fuq.
Dan ifissser li għall-għoxrin sena mill-1994 sal-lum ħadu €4 miljuni tondi tondi. Żewġ miljuni kull wieħed. Waħedhom.
Jiġifieri meta Beppe Fenech Adami talab li l-istat Malti jiffinanzja lill-partiti politiċi konvenjentement nesa’ li l-partit tiegħu diġa ħa żewġ miljun euro, bil-partit ta’ Owen jieħu żewġ miljuni oħra !
Owen Bonnici wieġeb lill-Beppe u qallu le. Mhux għalissa.
Dr Owen, allura dan ifisser li immedjatament ser twaqqaf il-€200,000 li qed jieħdu kull sena il-PN u l-PL?