41,494 firma valida: u issa?

 

 

referendum

 

Ir-ritratt ta’ hawn fuq juri avviż li deher il-bieraħ fil-Gazzetta tal-Gvern. Dan hu l-avviż ippubblikat mir-Registratur tal-Qorti Kostituzzjonali. F’dan l-avviż qed jingħad li l-Qorti Kostituzzjonali ġiet infurmata mill-Kummissjoni Elettorali illi irċiviet talba iffirmata minn numru ta’ votanti biex isir referendum abrogattiv. Din it-talba, tkompli tgħid il-Kummissjoni Elettorali hi biex jitħassru r-regolamenti imsejħa Regolamenti dwar qafas biex tiġi permessa Deroga biex tiftaħ l-istaġun għall-kaċċa tal-gamiem u s-summien fir-Rebbiegħa (Avviż Legali 221 tal-2010).

Il-firem li kienu qed isostnu it-talba, tkompli tgħid il-Kummissjoni Elettorali ġew ivverifikati u jammontaw għal 41,494.

Il-numru minimu ta’ firem li kienu meħtieġa kien ta’ 10% ta’ dawk li kellhom id-dritt għall-vot meta saret it-talba, u ċjoe 33,418. Jiġifieri hemm 8,078 firem iktar milli kien meħtieġ.

Bosta qed jistaqsu: issa x’imiss isir?

Il-pass li jmiss hu li matul it-tlett xhur li ġejjin kull votant jista’ jippreżenta oġġezzjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li fiha jispjega għaliex fil-fehma tiegħu jew tagħha dan ir-referendum abrogattiv m’għandux isir.

Wara li jsiru dawn l-oġġezzjonijiet dawn jiġu imwieġba mill-promuturi tar-referendum abrogattiv, u imbagħad il-Qorti Kostituzzjonali tagħti deċiżjoni dwar l-oġġezzjonijiet .

Fl-aħħar, probabbilment fix-xahar ta’ Diċembru li ġej, il-Qorti tagħti deċiżjoni, kif ukoll jekk tkun sodisfatta li t-talba hi skond il-liġi tordna li isir ir-referendum abrogattiv.

Hekk kif il-Qorti Kostituzzjonali tordna li jsir ir-referendum  abrogattiv  dan ikun irid isir bejn tlett xhur u sitt xhur mill-ordni tal-Qorti.

Il-fatt li l-proċess tar-referendum abrogattiv wasal sa dan l-istadju hu ċelebrazzjoni tad-demokrazija f’pajjiżna. Għax għall-ewwel darba fl-istorja politika ta’ Malta huma l-votanti li qed imexxu l-quddiem talba dwar x’għandu jsir.

 

Advertisements