Tarżna żgħira f’Birżebbuġa

freeport.aerial viw

 

Il-Bord tal-MEPA il-bieraħ approva tibdil fil-permess ambjentali tat-Terminal tal-Port Ħieles b’mod li dan jista’ jiżviluppa f’Tarzna żgħira.

Sal-lum kien possibli illi jekk vapur li jġorr il-containers tiżviluppalu ħsara din setgħet tissewwa fil-Port Ħieles stess. Din ma kienitx xi ħaġa ta’ kuljum. Kienet ukoll proċedura raġjonevoli.

Imma issa jridu jiftħu l-ħidma tal-Port Ħieles biex fih jissewwew oil rigs u vapuri. Tiswijiet żgħar iva. Imma dawn mhux posthom hemm għax il-Port Ħieles huwa viċin ħafna ta’ żona residenzjali.

Kif ikkwotani tajjeb l-Independent online, il-funzjoni tal-Port Ħieles hu it-trasbord tal-containers, u dawn ma jiġux fuq ir-riggijiet!

Dan mhux il-mod kif tkun ittrattata Birżebbuġa. Kif qal wieħed mir-residenti ta’ Birżebbuġa, ikkwotat kemm mill-Independent kif ukoll mill-maltarightnow.com “Ġimgħa ilu għamiltulna l-bomba tal-gass u issa għamiltulna s-sulfarina biex tqabbduha. Ħarrbattulna l-kwalita’ tal-ħajja f’Birżebbuga u se tagħmlulna Tarzna oħra f’Birżebbuga.”

Kummenti iżjed mhux meħtieġa da parti tiegħi.

Biex ħadd ma jitmexxa minn imnieħru

nose2

Hemm min għandu l-impressjoni li jista’ jsir referendum abrogattiv fuq kollox. Għandna ħafna “esperti” bħalissa li qed jippruvaw jagħtu l-impressjoni li kullma hu meħtieġ huwa madwar 35,000 firma u bil-fors ikollu jsir referendum abrogattiv, jiġifieri referendum li permezz tiegħu titħassar liġi jew xi strument legali ieħor.

Dan mhux il-każ.

Ir-referendum hu għodda demokratika importanti ħafna u irridu nifhmu u nitgħallmu kif nagħmlu użu tajjeb minnha. Hi l-uniku għodda ta’ demokrazija diretta li għandna f’idejna u għandna nibżgħu għaliha.

Sal-lum qatt ma sar użu minn din l-għodda demokratika f’Malta. L-ewwel każ hu dak dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa liema każ għadu fil-bidu tiegħu minħabba li l-Kummissjoni Elettorali qed tagħmel il-verifika tal-firem li ġew ippreżentati.

Il-liġi dwar ir-referendum titkellem ċar dwar dawk l-affarijiet li dwarhom ma jistax isir referendum abrogattiv.

Ma jistax isir referendum abrogattiv dwar partijiet mil-liġi dwar ir-referendum innifisha, dwar il-Kostituzzjoni u dwar il-liġi li inkorporat il-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Liġijiet ta’ Malta. L-anqas ma jista’ jintuża r-referendum abrogattiv biex titnaqqas mill-gravita’ ta’ leġislazzjoni li tiffoka fuq il-korruzzjoni jew dwar il-liġi elettorali jew dwar leġislazzjoni fiskali kif ukoll dwar trattati internazzjonali. Barra minn dan jekk materja li tkun ser titressaq għal referendum tista’ twassal biex xi strument leġislattiv ma jibqax iktar kompatibbli mal-Kostituzzjoni ta’ Malta jew mal-liġi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dak ir-referendum ma jkunx jista’ jsir. Dan kollu joħroġ mill-artikli 13 u 16 tal-liġi Maltija dwar ir-Referendum. Fejn ikun hemm dubju tkun il-Qorti Kostituzzjonali li tieħu deċiżjoni finali.

Dan l-interess li issa beda jikber fl-għodda tar-referendum hu pass pożittiv. Bħala poplu qed nifhmu iktar li hemm diversi affarijiet li dwarhom il-kelma tal-Gvern jew tal-Parlament mhiex l-aħħar kelma. Meta dan nifhmuh sewwa ikun hemm inqas ċans li jkollna min jitmexxa minn imnieħru.

L-għasafar tagħna lkoll

eucanak99ccaqbhdgpca4hkpx1caxcxm0ncaksu0oecat8onorca9gwql2cap1twfqcaef7mr1caou2xawcagi7q03ca5cqq3ecasw81i0caxl0xk3cahqyrhbca71s2e9caugwf2kcajmyuej

 

Il-firem li inġabru biex jissejjaħ referendum ħalli l-kaċċa fir-rebbiegħa tispiċċa darba għal dejjem issa ġew ippreżentati. Il-Kummissjoni Elettorali bdiet il-verifika biex tassigura li hemm il-firem li teħtieġ il-liġi.

Hemm diversi raġunijiet Ii minħabba fihom in-nies iffirmat il-petizzjoni.

Il-parti l-kbira tal-Maltin iħossu li l-qtil tal-għasafar huma u jpassu minn fuq il-gżejjer Maltin fi triqithom biex ibejtu fl-Ewropa huwa totalment inaċċettabbli. Jemmnu li dawn l-għasafar għandhom ikunilhom possibli li jpassu minn fuq Malta mingħajr ma jkunu fil-periklu. Għax l-għasafar tagħna lkoll.

Ir-rebbiegħa hi żmien speċjali fis-sena meta l-kampanja Maltija hin fl-aqwa tagħha. Hu żmien il-ħajja. Minkejja dan bosta drabi n-nies hi mbeżża’ milli tmur fil-kampanja waqt l-istaġun tal-kaċċa. Mhux wieħed u tnejn huma l-passaġġi pubbliċi okkupati llegalment. L-arroganza ta’ uħud u l-attitudni ta’ intimidazzjoni li spiss jiffaċċjaw in-nies li jridu jgawdu l-kampanja huwa ta’ uġiegħ ir-ras għal bosta. Ir-rebbiegħa għandu dritt li jgawdiha kulħadd.

Uħud minn dawk li iffirmaw il-petizzjoni jemmnu li l-arranġamenti sigrieta bejn il-kaċċaturi u l-Gvernijiet differenti taż-żewġ partiti li permezz tagħhom il-kaċċaturi ingħataw bosta privileġġi mhux il-mod kif taħdem demokrazija moderna. Jemmnu li dawn l-affarijiet għandhom jinbidlu fil-pajjiż u li r-referendum għandu jkun strument ta’ bidla għal Malta.

Issa huwa xogħol il-Kummissjoni Elettorali biex tivverifika l-firem u b’hekk jibda l-proċess li jwassal għar-referendum. Dan jagħmilha possibli biex leħen in-nies dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa jinstema u b’hekk tieqaf darba għal dejjem f’dawn il-gżejjer. Għax l-għasafar tagħna lkoll.

ippubblikat fuq iNews l-Erbgħa 2 t’April 2014