Bħalissa ħerġin l-istejjer dwar x’seta ġara biex il-Partit Nazzjonalista wasal għal deċiżjoni li jastjeni fil-votazzjoni finali li saret il-Parlament dwar il-Liġi tal-Unjoni Ċivili bejn koppji tal-istess sess.
Hu ovvju li fil-PN hemm opinjonijiet li jikkuntrastaw. Minn iva sal-le. Min irraġuna b’dan il-mod minħabba dak li jemmen u min għal raġunijiet ta’ strateġija politika.
Jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni tal-Grupp Parlamentari li jastjeni hi deċiżjoni ħażina u l-PN ser ikollu jġorr il-piz politiku ta’ din id-deċiżjoni għal snin twal. Bħalma għamel meta fis-snin 40, meta ivvota kontra d-dritt li l-mara tkun tista’ teżerċita d-dritt tal-vot.
Ħadd m’hu ser jinsa l-posizzjoni politika li ħa l-PN. Fl-aħħar ħadd m’hu ser jiftakar ir-raġunijiet għalfejn il-PN astjena. Imma kulħadd ser jiftakar li fis-siegħa tal-prova l-PN ma kienx hemm, ma ivvutax favur il-Liġi tal-Unjoni Ċivili .
Għax id-drittijiet tal-gays huma drittijiet tal-bniedem ukoll.