Trid li jonqsu d-drittijiet demokratiċi tiegħek ?

time is running out2

Mela issa għandna, jew ser ikollna dalwaqt, żewġ petizzjonijiet.

Tal-ewwel hi petizzjoni favur l-għasafar, biex fir-rebbiegħa dawn ikunu protetti billi tispiċċa darba għal dejjem il-kaċċa fir-rebbiegħa. Il-protezzjoni fir-rebbiegħa hi meħtieġa għax hu f’dan iż-żmien tas-sena li l-għasafar ibejtu. Hu l-iżjed żmien li huma dgħajfa w allura hu l-iżjed żmien li jeħtieġ li jkunu protetti. Din hi l-petizzjoni li ġiet ippreżentata ftit iktar minn ġimgħatejn ilu lill-Kummissjoni Elettorali biex issejjah referendum biex iħassar ir-regolamenti li jippermettu li jkun hawn il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Tat-tieni hi petizzjoni li ser titressaq mill-kaċċaturi wara l-21 t’April u li permezz tagħha fi ħsiebhom jinfurmaw lill-Parlament li huma ma jaqblux li d-dritt tar-referendum ikun jistgħa jintuża biex jipproteġi l-għasafar. Jidhirlhom li huma ghandhom id-dritt li joqtlu, anzi huma jsejħulu privileġġ! Skond it-Times din il-petizzjoni iffirmawha ukoll it-tfal.

L-ewwel petizzjoni hi waħda posittiva. Tfittex li tipproteġi l-għasafar. It-tieni waħda hi negattiva. Tfittex li tnaqqas id-dritt tar-referendum. L-uniku dritt ta’ demokrazija diretta li għandna fil-gżejjer Maltin.

L-ewwel petizzjoni titlob li l-votanti kollha jieħdu sehem fid-deċiżjoni dwar jekk għandiex tispiċċa l-kaċċa fir-rebbiegħa. It-tieni petizzjoni titlob lill-Parlament biex inaqqas id-drittijiet demokratiċi li akkwistajna tul is-snin.

Ikun interessanti ħafna x’posizzjoni ser jieħdu l-Membri Parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern.

Min minnhom jaqbel li jonqsu d-drittijiet demokratiċi?

Id-demokrazija niġġieldu għaliha kuljum.