Tarżna żgħira f’Birżebbuġa

freeport.aerial viw

 

Il-Bord tal-MEPA il-bieraħ approva tibdil fil-permess ambjentali tat-Terminal tal-Port Ħieles b’mod li dan jista’ jiżviluppa f’Tarzna żgħira.

Sal-lum kien possibli illi jekk vapur li jġorr il-containers tiżviluppalu ħsara din setgħet tissewwa fil-Port Ħieles stess. Din ma kienitx xi ħaġa ta’ kuljum. Kienet ukoll proċedura raġjonevoli.

Imma issa jridu jiftħu l-ħidma tal-Port Ħieles biex fih jissewwew oil rigs u vapuri. Tiswijiet żgħar iva. Imma dawn mhux posthom hemm għax il-Port Ħieles huwa viċin ħafna ta’ żona residenzjali.

Kif ikkwotani tajjeb l-Independent online, il-funzjoni tal-Port Ħieles hu it-trasbord tal-containers, u dawn ma jiġux fuq ir-riggijiet!

Dan mhux il-mod kif tkun ittrattata Birżebbuġa. Kif qal wieħed mir-residenti ta’ Birżebbuġa, ikkwotat kemm mill-Independent kif ukoll mill-maltarightnow.com “Ġimgħa ilu għamiltulna l-bomba tal-gass u issa għamiltulna s-sulfarina biex tqabbduha. Ħarrbattulna l-kwalita’ tal-ħajja f’Birżebbuga u se tagħmlulna Tarzna oħra f’Birżebbuga.”

Kummenti iżjed mhux meħtieġa da parti tiegħi.