Bejn Franco Mercieca u Chris Fearne

doctor

Illum huwa ċar għal kulħadd li l-oftalmologu Għawdxi Dr Franco Mercieca għamel għażla ċara. Bejn il-professjoni u servizz fil-Kabinett għażel li jmur lura għall-prattika professjonali tiegħu. Kif wara kollox kellu kull dritt li jagħmel, sakemm ma kienx hemm min għal xi żmien ħajru li seta jagħmilhom it-tnejn (jiġifieri l-prattika tal-oftalmoloġija u servizz fil-Kabinett).

Wara sena ta’ battibekki u taparsi eżenzjonijiet is-sens komun jidher li rebaħ.

Jiena u nikteb dan il-blogpost it-Times online irreferiet għall-kirurgu tal-pedjatrija Dr Chris Fearne li għadu kif inħatar Segretarju Parlamentari għas-Saħħa. Ġie kjarifikat li Dr Chris Fearne mhux ser jibqa’ jipprattika, l-anqas fl-isptar bla ħlas, ħlief għal 4 każijiet akuti ta’ pazjenti li kien qed jieħu ħsiebhom meta ħa l-ħatra.

Deċiżjoni tajba li tfisser illi d-dibattitu pubbliku dwar Dr Franco Mercieca ma sarx għal xejn. Tnaqqas il-potenzjal għall-konflitt ta’ interess. Ir-raġuni dejjem tirbaħ!

Prosit.

Presidenza tal-lastku

president-of-malta-flag-over-blue-sky

Il-Presidenza ta’ George Abela bdiet fuq nota tajba. Kien l-ewwel darba li partit fil-Gvern innomina esponent ewlieni mill-partit fl-Opposizzjoni bħala Kap tal-Istat. Kienu x’kienu r-raġunijiet li wassal għal dan, kienet deċiżjoni li intlaqgħet tajjeb.

Kien President li ħa kompletament f’idejh l-Istrina u r-riżultati li kiseb f’dan il-qasam kienu riżultati tajbin.

Iżda l-Presidenza ta’ George Abela ser tispiċċa fuq nota ħażina. Ir-rapporti fil-gazzetti li l-President George Abela informa lill-Prim Ministru Muscat li mhux fi ħsiebu jiffirma l-liġi dwar l-Unjoni Ċivili għal raġunijiet ta’ kuxjenza hi inkwetanti għax il-Gvern akkomoda lill-Abela billi ħalla għal ftit ġimgħat l-abbozz pendenti fuq l-agenda tal-Parlament sakemm George Abela jispiċċa mill-ħatra. B’hekk qiegħed jiġi evitat li Abela jkollu jirreżenja u tinħoloq kriżi kostituzzjonali imma ma hu ser jissolva xejn. Għax il-Presidenza qed tiġi trasformata f’biċċa tal-lastiku li tista’ ġġebbed fiha kemm trid.

Il-Presidenza ser tkompli tiġġebbed b’dak li hu ippjanat mal-ħatra ta’ Marie Louise Coleiro-Preca li bil-barka tal-Gvern ser tieħu magħha biċċa mill-Ministeru tal-Politika Soċjali.

Mhux billi jingħad li l-Presidenza tar-Repubblika trid tkun simbolu ta’ għaqda. Biex tkun vera simbolu ta’ għaqda l-Presidenzxa trid tkun il-bogħod mill-kontroversja. Jekk dan ma jsirx dak li qed jingħad ikun biss paroli