L-ewwel reshuffle ta’ Joseph

 

 

reshuffle

Tħabbar iċ-ċaqlieq u t-tibdil fil-Kabinett.

Fost dawk effettwati miċ-ċaqlieq hemm min matul l-aħħar sena, min għal ftit żmien u min għal ħafna, kellu diffikulta u konflitt bejn il-prattika professjonali u r-responsabbiltajiet pubbliċi tiegħu. Fuq quddiem nett kien hemm il-każ ta’ Franco Mercieca li kif stqarr huwa stess jippreferi l-prattika professjonali tiegħu. Il-kwistjoni issa ser tiġi fi tmiemha. Imma jonqos li naraw ukoll x’tibdil ser ikun hemm fil-kodiċi tal-etika tal-Ministri w is-Segretarji Parlamentari.

Hemm ukoll issues serji konnessi mal-ħatra ta’ Marie Louise Coleiro Preca bħala President tar-Repubblika. Hu żball oħxon li l-President iżżomm responsabbiltajiet diretti għal oqsma ta’ politika soċjali. Il-President għandha tkun distakkata minn dawn l-affarijiet. Bla dubju ser ikun hemm konflitt bejn kif tara l-affarijiet hi u kif jarahom il-Ministru l-ġdid għall-politika soċjali, Michael Farrugia.

Il-ħatra ta’ Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew hi ukoll sorpriża. Karmenu Vella qatt ma kien interessat u qatt ma wera xi inklinazzjoni lejn politika Ewropeja. Għallinqas pubblikament dan m’huwiex magħruf. Huwa kmieni biex wieħed jgħid jekk hiex għażla tajba. Ser jiddependi ukoll mir-responsabbiltajiet li l-President il-ġdid tal-Kummissjoni jassenjalu. Dan il-President jista’ jkun Martin Schultz imma jista’ jkun ħaddieħor ukoll! Iċ-ċaqlieq fil-previżjoni tan-numru tas-siġġijiet li jistgħu jirbħu s-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew jindika li Muscat għaġġel fin-nomina ta’ Karmenu Vella. Kien ikun iktar għaqli li stenna madwar xahrejn oħra qabel ma ħa din id-deċiżjoni.