Il-MEPA………….għaġġelija

kittens

 

Il-laqgħa tal-bieraħ li fiha l-Bord tal-MEPA approva l-applikazzjoni tal-Enemalta għall-ġenerazzjoni tal-elettriku bil-gass b’9 voti kontra 2 kienet waħda ġeneralment ċivili. Anke meta kien hemm xi interruzzjonijiet, ma kien hemm xejn gravi.

Ħadd ma argumenta kontra l-użu tal-gass. L-uġiegħ ta’ ras hi l-ħażna tal-gass: jekk din għandhiex tkun ġol-port jew barra mill-port.

L-istudju dwar ir-riskji marittimi għadu ma sarx. Meta jsir inkunu nafu ftit aħjar dak li ser inħabbtu wiċċna miegħu. Hemm mumenti meta l-ebda vapur m’hu safe fil-port. X’ser jiġri f’dawn il-mumenti?

Diversi sajjieda qalulna li l-qawwa tal-baħar tista’ tkun waħda sostanzjali. Ħaġa li nistgħu naraw b’għajnejna meta l-elementi jkunu fl-aqwa tagħhom.

Il-breakwater fid-daħla tal-Port ta’ Marsaxlokk ġie diżinjat mit-team Ċiniż f’Kalafrana. Id-diżinn hu ibbażat fuq osservazzjonijiet u studji dwar il-mewġ. A bażi ta’ standards internazzjonali u studji u testijiet fuq mudelli kien konkluż diżinn li jilqa’ għal mewġ ta’ 8.50 metri. Il-breakwater inbena fil-bidu tas-snin tmenin, tletin sena ilu. Matul dawn it-tletin sena qeda lill-pajjiż u lill-Port Ħieles.

Imma issa t-temp beda jinbidel, bil-mod. Fil-waqt li mewġ għola minn 8.50 metri sa ftit snin ilu kien xi ħaġa rari, issa beda jżid ftit fil-frekwenza. Dan ifisser li qed joqrob iż-żmien meta l-breakwater m’hux ser joffri protezzjoni biżżejjed la lill-Port Ħieles u l-anqas lill-Oil Tanking. Dak li kien rari, jista’ jsir iktar frekwenti. Il-konsegwenzi jistgħu jkunu gravi. Iżidu r-riskju ta’ inċident fil-Port ta’ Marsaxlokk.

Studju dwar ir-riskji marittimi kien jeżamina dan u iktar u kien ikun ta’ għajnuna ikbar biex il-Bord tal-MEPA jiżen sewwa r-riskji.   Dan l-istudju il-MEPA m’għamltux minkejja li fit-terms of reference dwar l-istudju ambjentali kienet hi stess li insistiet li l-istudju dwar ir-riskji għall-impjant tal-gass kellu jkun wieħed dettaljat.

Imma l-MEPA kienet mgħaġġla. Bħall-qattusa tal-proverbju.

ippubblikat fuq iNews: it-Tlieta 25 t’Ottubru 2014

Advertisements

4 comments on “Il-MEPA………….għaġġelija

  1. Carm,
    Jiddispjaċini ngħid li qtajt qalbi mill-MEPA. Dawn l-aħħar ħames snin ma nafx fejn ħadet deċiżjoni favur l-ambjent u favur is-soċjetà. Kważi kważi, fejn jidħlu proġetti tal-gvern, id-deċiżjonijiet jista’ jeħodhom il-gvern mingħajr ma jinvolvi l-MEPA. Filwaqt li meta ħatfet l-ambjent dan għamlithu Cindirella tagħha, illum dan sar orfni wkoll.

    Inħoss li llum il-MEPA minkejja li għanda l-aħjar nies tekniċi u kwalifikati fil-pajji, li qegħdin fil-middle management, bid-deċiżjonijiet tagħha fil-bord appuntant poltikament, qed tagħmel l-akbar ħsara lill-ambjent u disunur lis-soċjeta Maltija. Deċiżjoni waħda wara l-oħra, kollha b’impatt kbar negattivi li għada kemm il-poplu kif ukoll l-ambjent sejrin iħallsu bil-kbir fejn ikunu jistgħu jikkoreġu.

    Jiġu quddiemi eżempji ta’ kelb tal-għassa li jinbaħ biex jiddefendi lil sidu s-soċjetà. Imma jekk min ikollu interess biex jgħaddi minn fuqu itih jiekol u jmellsu, iwasslu biex jidħol sħab miegħu biex jisraq u jagħmel sfreġju. U wara li jlesti, l-kelb tal-għassa, jferrfer denbu u jilgħaq wiċċ (biex inkun pulit) lil min suppost kellu jinbaħ bil-kbir kontrieh biex ma jħallihx jagħmel ħsara lis-soċjetà, kif kellu jagħmel fil-bidu.

    Ma naħsebx li l-ġirja għan-nilża li qabdet il-MEPA ma hemm ħadd li jista’ jwaqqafha. Aktar u aktar meta dak li jista’ forsi jwaqqafha rikibha u qed isuqha bin-niggieża.

    Miskin dan il-pajjiż!

  2. L-iktar ħaġa li laqtitni f’din il-kwistjoni kienet l-assenza assoluta tal-għaqdiet ambjentalisti. Mhux qed għall-public hearing tal-bieraħ imma għall-kwistjoni kollha.

    Ħlief Din l-Art Ħelwa ma tkellem ħadd, fuq proġett li f’pajjiżi oħra jgħaqqad l-NGOs f’kampanji u protesti.

    Jien jiddispjaċini li ma kienitx ġietni f’rasi nibgħat objection is-sena l-oħra, meta kien il-waqt. Mhux għax kienet se tagħmel xi differenza imma jidhirli li bniedem għandu jitkellem meta fin-nofs ikun hemm prinċipji.

    • Naħseb li in-nuqqas tal-għaqdiet tal-ambjent juri sfiduċja tal-MEPA. Huwa ħela ta’ hin li wieħed imur biex jisma’ deċiżjoni diġà meħuda.
      Kif għidt qabel, il-MEPA kif qed timxi llum hija l-akbar għada tal-ambjent Malti u tas-soċjeta Maltija.

      Ir-responsabbiltà tal-impatti negattivi f’dan il-qasam huwa tal-Bord tal-MEPA li jaqblu ma’ dawn id-deċiżjonijiet mehuda.

  3. Alfred, jekk qrajt il-kumment tiegħi, ma kontx qed nirreferi biss għall-laqgħa tal-bieraħ imma għall-kwistjoni kollha kemm hi.

    Meta bniedem jiddeċiedi li jissieħeb f’għaqda, jagħmel hekk biex jirsisti favur il-kawża li l-għaqda tħaddan. Issa jekk din tidher kawża mitlufa ma jfissirx li wieħed iċedi l-armi.

    Kif għidt fill-kumment tiegħi, bniedem għandu jqum bil-wieqfa u jitkellem anki meta jaf li dan se jaqa’ fuq widnejn torox. Il-proġett tal-vapur tal-gass għadda, kif jgħidu fil-Parlament, nem con (ħlief għal DLĦ). Anzi, rajna “ambjentalisti” prominenti li sistematikament iddefendew il-proġett fil-media u rajna għaqda ambjentali voċifera li tħeġġeġ biex il-proġett jitwettaq.

    Inkredibbli kif isir kjass fuq żabra ta’ siġra mbagħad proġett bħal dan jgħaddi qisu xejn mhu xejn.

    Only in Malta, Alfred.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s