Il-MEPA………….għaġġelija

kittens

 

Il-laqgħa tal-bieraħ li fiha l-Bord tal-MEPA approva l-applikazzjoni tal-Enemalta għall-ġenerazzjoni tal-elettriku bil-gass b’9 voti kontra 2 kienet waħda ġeneralment ċivili. Anke meta kien hemm xi interruzzjonijiet, ma kien hemm xejn gravi.

Ħadd ma argumenta kontra l-użu tal-gass. L-uġiegħ ta’ ras hi l-ħażna tal-gass: jekk din għandhiex tkun ġol-port jew barra mill-port.

L-istudju dwar ir-riskji marittimi għadu ma sarx. Meta jsir inkunu nafu ftit aħjar dak li ser inħabbtu wiċċna miegħu. Hemm mumenti meta l-ebda vapur m’hu safe fil-port. X’ser jiġri f’dawn il-mumenti?

Diversi sajjieda qalulna li l-qawwa tal-baħar tista’ tkun waħda sostanzjali. Ħaġa li nistgħu naraw b’għajnejna meta l-elementi jkunu fl-aqwa tagħhom.

Il-breakwater fid-daħla tal-Port ta’ Marsaxlokk ġie diżinjat mit-team Ċiniż f’Kalafrana. Id-diżinn hu ibbażat fuq osservazzjonijiet u studji dwar il-mewġ. A bażi ta’ standards internazzjonali u studji u testijiet fuq mudelli kien konkluż diżinn li jilqa’ għal mewġ ta’ 8.50 metri. Il-breakwater inbena fil-bidu tas-snin tmenin, tletin sena ilu. Matul dawn it-tletin sena qeda lill-pajjiż u lill-Port Ħieles.

Imma issa t-temp beda jinbidel, bil-mod. Fil-waqt li mewġ għola minn 8.50 metri sa ftit snin ilu kien xi ħaġa rari, issa beda jżid ftit fil-frekwenza. Dan ifisser li qed joqrob iż-żmien meta l-breakwater m’hux ser joffri protezzjoni biżżejjed la lill-Port Ħieles u l-anqas lill-Oil Tanking. Dak li kien rari, jista’ jsir iktar frekwenti. Il-konsegwenzi jistgħu jkunu gravi. Iżidu r-riskju ta’ inċident fil-Port ta’ Marsaxlokk.

Studju dwar ir-riskji marittimi kien jeżamina dan u iktar u kien ikun ta’ għajnuna ikbar biex il-Bord tal-MEPA jiżen sewwa r-riskji.   Dan l-istudju il-MEPA m’għamltux minkejja li fit-terms of reference dwar l-istudju ambjentali kienet hi stess li insistiet li l-istudju dwar ir-riskji għall-impjant tal-gass kellu jkun wieħed dettaljat.

Imma l-MEPA kienet mgħaġġla. Bħall-qattusa tal-proverbju.

ippubblikat fuq iNews: it-Tlieta 25 t’Ottubru 2014