Kull qatra tgħodd

Drop of water

Nhar it-Tnejn ħadt sehem fil-bidu tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li għandu jwassal għal Pjan Nazzjonali għall-immaniġjar tal-ilma.

Matul is-snin kellna ħafna pubblikazzjonijiet u laqgħat imma imbagħad dejjem kien  diffiċli li jittieħdu d-deċiżjonijiet iebsin.

Kull qatra ilma hi importanti u allura irridu bħala pajjiż naħdmu bil-għaqal biex l-ilma li għandna nibżgħu għalih kollu. Ilkoll naqblu dwar dan imma d-deċiżjonijiet bil-mod biex jittieħdu. Ta’ l-inqas din l-istorja s’issa.

L-ilma tal-pjan (dak li baqa’ minnu) kważi meqrud. L-ilma tax-xita fit-toroq jew fil-baħar.  Din hi s-sitwazzjoni reali. Flok ma naħżnu l-ilma tax-xita tħaffru numru ta’ mini biex dan l-ilma jkun jista’ jintefa’ l-baħar b’faċilita.

L-ilma fit-toroq waqt maltempata dejjem jiżdied minħabba li l-bini l-ġdid ftit li xejn għandu bjar. L-ilma tax-xita ta’ parti mhux żgħira mill-bini l-ġdid tul dawn l-aħħar 50 sena spiċċa fit-toroq jew fid-drenaġġ. Is-sistema tad-drenaġġ ma tiflaħx għalih u allura tfur u tfewwaħ it-toroq u l-pjazez tagħna.

Waqt u wara maltempata b’xita qalila b’sistema tad-drenaġġ mgħobbija bl-ilma tax-xita it-tlett impjanti tad-drenagg ikunu mgħobbija iktar mis-soltu. Piż ikbar fuq dawn l-impjanti jfisser iktar spejjes biex jaħdmu l-impjanti.

Mhux billi ngħidu li kull qatra tgħodd. Jeħtieġ li jkollna awtoritajiet li jemmnu li dan għandu jsir. Imbagħad jaħdmu biex iwettquh.

Din hi l-qagħda tal-ilma tagħna.

ippubblikat fuq iNews l-Erbgħa 12 ta’ Marzu 2014

 

By carmelcacopardo Posted in water Tagged