Huwa pass tajjeb li l-Gvern permezz tal-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ikkummissjona lil Dr George Papadakis biex jippreżenta rapport dwar ir-riskji li jista’ jkun hemm mill-operazzjoni tal-Power Station ta’ Delimara bil-gass.
Ilna kważi ġurnata nisimgħu li r-rapport ta’ Papadakis jgħid illi r-riskju huwa insinifkanti.
Nieħu pjaċir ħafna kieku l-affarijiet huma hekk. Imma ir-rapport, filwaqt li jibqa’ jiġi ikkwotat, s’issa għadu m’huwiex ippubblikat. Jiġifieri m’hemm l-ebda mod (s’issa) biex wieħed ikun jista’ jivverifika jekk hux veru illi r-rapport jgħid dawn l-affarijiet.
Dan hu inkwetanti għax l-affarijiet magħrufa huma ftit differenti.
Filwaqt li kif anke jirriżulta mir-rapport ta’ Roberto Vaccari li r-riskju huwa wieħed żgħir, min-naħa l-oħra l-konsegwenzi ta’ inċidenti (jekk iseħħ) huma enormi.
Inċidenti ta’ dan it-tip ftit kien hawn fid-dinja. Wieħed minnhom kien fi Spanja meta bowser li kien qed iġorr gass likwifikat kien involut f’inċident u sploda. L-biċċiet tiegħu bl-ispuzjoni waslu sa 500 metru l-bogħod minn fejn ġara l-inċident.
Issa l-ħażna tal-ġass f’Delimara ser tkun ferm iktar minn kemm jesa’ bowser. Madwar 700 metru mit-Torri San Luċjan.
Meta nafu dawn l-affarijiet huwa iktar importanti li r-rapport ta’ Papadakis ikun ippubblikat. Huwa neċessarju li l-konklużjonijiet tiegħu ikun magħrufa minn kulħadd. Għax kulħadd jieħu pjaċir jekk jirriżulta li m’hemmx iktar dwar xiex ninkwietaw. Sakemm ir-rapport jibqa’ mistur ħadd m’huwa ser ikun sodisafatt.
Jiena qiegħed f’kuntatt mat-Tabib Gauci, Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni (CEO) tal-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ninsisti miegħu li għandu l-obbligu li dan ir-rapport jippubblikah.
Dewmien biex dan ir-rapport ikun ippubblikat jfisser biss li l-opnjoni pubblika mhiex irrispettata. Il-pubbliku għandu dritt li jkun infurmat immedjatament. Huwa b’hekk biss li jista’ jifforma opinjoni. Mhux b’dak li jgħidu fuq ir-rapport. Iżda bir-rapport innifsu.
Ippubblikat fuq iNews l-Erbgħa 5 ta’ Marzu 2014