
Madwar il-Bajja ta’ Marsaxlokk diġa hemm attivita’ diversa li hi ta’ riskju.
Matul din l-aħħar sena għadu kif għalaq l-impjant tal-gass tal-Enemalta fil-Qajjenza. Impjant li kien imdawwar b’residenzi għal snin twal. L-impjant ingħalaq u sar wieħed ġdid f’Bengħajsa u dan wara snin kbar ta’ ilmenti.
Ġo nofs Birżebbuġa hemm l-impjant tal-fuel tal-Enemalta. Ilu hemm snin kbar. Imdawwar bir-residenzi. L-Enemalta ilha s-snin tħabbel rasha biex tagħlaq dan l-impjant. Imma s’issa għadu hemm qalb in-nies.
Hemm ukoll il-ħażna tal-fuel f’San Luċjan bejn Birżebbuġa u Marsaxlokk w il-ħażna taż-żjut fil-kumpless tal-Freeport, l-Oil Tanking.
Dawn ir-riskji diġa qegħdin hawn u dan flimkien mal-ħażna tal-fuel (HFO u gasoil) presentement użat mill-Enemalta f’Delimara.
L-istudji li diġa saru dwar l-impjant tal-gass f’Delimara jinkludu studju minn Roberto Vaccari li għalkemm huwa studju preliminari diġa juri numru ta’ diffikultajiet u riskji ġodda li l-ħażna tal-gass tista’ toħloq. Riskji li meta tieħu in konsiderazzjoni r-riskji li diġa hawn fil-Bajja ta’ Marsaxlokk ikomplu jagħmlu is-sitwazzjoni agħar milli diġa hi.
Huma riskji li pajjiżi oħra sabu tarf tagħhom billi madwar is-sors ta’ riskji joħolqu żona li fiha l-aċċess ikun wieħed limitat u ikkontrollat. Il-ħolqien ta’ żona bħal din issolvi l-problema: ma teliminax ir-riskju imma tnaqqas sostanzjalment l-impatt tiegħu.
Id-diffikulta f’Delimara hi li l-ispazju li hemm hu limitat u ma jidhirx li hu possibli li tinħoloq din iż-żona b’aċċess limitat u kkontrollat. Għalhekk il-proposta tal-ħażna tal-gass hi waħda problematika.
Li l-Gvern jgħid illi ser jagħmel iktar studji biex jipprova jsib tarf tal-problema hu pass tajjeb. Irridu nħarsu iktar fil-fond mhux biss lejn l-impjant propost f’Delimara, imma ukoll lejn l-impatt fuq is-sajjieda, fuq il-komunitajiet ta’ Marsaxlokk u Birżebbuga kif ukoll fuq il-Port Ħieles.
Ir-riskju li jkun hemm inċident hu wieħed żgħir u rari. Imma l-konsegwenzi jekk iseħħ l-inċident ikunu kbar ħafna. Għalhekk jeħtieg li nimxu b’kalma u b’attenzjoni kbira.
ippubblikat fuq iNews : it-Tlieta 25 ta’ Frar 2014