Fil-politika trid titkellem ma kulħadd. Hu obbligu.
Tieħu pjaċir tiltaqa’ ma min jaqbel miegħek. Ma min għandu l-istess ideali. Ma min għandu l-istess prinċipji. Hi opportunita’ ta’ diskussjoni utli.
Pero’ id-djalogu huwa iktar meħtieġ ma min ma jaqbilx miegħek. Ma min seta offendik fil-passat. Ma min seta insulentak b’dak li qal jew bil-mod kif ġieb ruħu fil-konfront tiegħek.
Huwa dejjem żball li tagħlaq il-bieb f’wiċċ min irid jitkellem miegħek. Anke jekk jista’ jkollok is-suspett, forsi fondat, li ma jkunx hemm ġenwinita’ n-naħa l-oħra.
Huwa neċessarju li niftħu l-bibien u t-twieqi tagħna mhux biss biex nifhmu iktar lil min ma jaqbilx magħna. Imma ukoll biex min ma jaqbilx magħna jifhimna ftit iktar.
Li ningħalqu fina nfusna hi l-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu. Meta tiftaħ il-bibien u t-twieqi tidħol l-arja friska u d-dawl naturali. Naturalment tista’ tidħol xi dubbiena ukoll. Imma dak hu inkonvenjent żgħir wisq ħdejn il-ġid li jsir bl-arja friska u d-dawl tax-xemx.