Inġustizzji fl-armata ………… u l-Ombudsman?

army malta

Ġie konkluż rapport dwar inġustizzji fl-armata. Intqal li nstab li 60% tal-ilmenti li ġew investigati mill-Bord tal-Ilmenti li twaqqaf, kienu ilmenti ġustifikati u li allura l-Gvern issa għandu l-obbligu li jirrimedja.

Spiss nisimgħu b’ilmenti dwar l-Armata, u ma naħsibx li dawn ser jieqfu. Id-diffikulta naħseb li hi d-dixxiplina militari li wisq nibbża’ li tintuża biex taħbi l-inġustizzji.

Jiena ma naf xejn dwar l-ilmenti li ġew investigati. Naf biss dak li jgħiduli ħbieb li għandhom jew kellhom familjari fl-Armata. Jgħiduli li għad hemm iżjed ilmenti x’jiġu investigati u li probabbilment ikun hemm numru mhux żgħir minn dawk li baqa’ li jinstabu li huma ukoll ġustifikati.

Intqal lili li fi ċrieki militari huma magħrufin fatti tat-twerwir f’dak li hu trattament ta’ uffiċjali u gradi oħra minn klikka li kienet tmexxi l-Armata u li, huwa evidenti, li l-uniċi kwalifiċi ta’ din il-klikka kienu il-lejalta’ assoluta lejn il-politiċi fil-Gvern u d-dellijiet tagħhom. Jgħiduli kif kienu jissawwru career development paths u kif biex jinqabżu ċerti nies anki r-rapporti annwali tagħhom ma kienux isiru.

U tant affarijiet oħra.

Fuq dan kollu jiena nistaqsi mistoqsija sempliċi. Għaliex ħadd ma mar għand l-Ombudsman b’dawn l-affarijiet? Għax l-iktar konklużjoni li qed tinkwetani mhux li saru inġustizzji fl-Armata (dik diġa inkwetanti ħafna) imma li f’post sensittiv bħall-Armata l-uffiċċju tal-Ombudsman li twaqqaf fl-1995 qed jirriżulta li ma kienx effettiv.

Il-mistoqsija li aħna l-politiċi irridu nistaqsu hi għaliex? Huwa importanti li tinstab it-tweġiba malajr għax l-inġustizzji hu importanti li niġġieldulhom dejjem u mill-ewwel.