Tolleranza żero

corruption.eu

 

L-iskandlu tat-tbagħbis tal-meters tal-elettriku jidher li hu wieħed kbir. S’issa issemma’ n-numru ta’ 1000 meter imma intqal ukoll li in-numru jista’ jkun ferm ikbar.

Huwa fatt, kif anke jirriżulta mid-diversi rapporti tal-Awditur Ġenerali li dejjem kien hemm ammont ta’ serq tal-elettriku. Pero huwa daqstant ieħor ċar li meta l-kontijiet (tal-elettriku) għolew b’mod esaġerat inħoloq suq ikbar għal min dejjem ifittex mod kif jisraq u japprofitta ruħu.

Kull każ ta’ serq permezz ta’ tbagħbis tal-meters kien jinvolvi ta’ l-inqas tnejn min-nies. L-ewwel nett lil min bagħbas il-meter u t-tieni lil min ħallsu.

Meta għaldaqstant qiegħed jingħad illi ser jittieħdu passi legali biss kontra min bagħbas il-meters imma li min gawda billi naqsulu l-kontijiet ser jeħlisha, qed jingħata messaġġ żbaljat.

Irridu bħala pajjiż nagħtu l-messaġġ ċar u li dwaru ma jkun hemm l-ebda dubju: li l-korruzzjoni m’hi tollerata qatt. Dak li tfisser meta ngħidu tolleranza żero.  Tajjeb li tinqabad il-ħuta l-kbira imma tajjeb ukoll li nifhmu li l-ħuta l-kbira ma tistax tgħix mingħajr il-ħut iż-żgħir.

Ħadd m’għandu jeħlisha. Kulħadd għandu jerfa’ u jġorr dak li għamel. Għalhekk tolleranza żero.

Ippubblikat fuq iNews l-Erbgħa 19 ta’ Frar 2014