Bħal daż-żmien sena, waqt il-kampanja elettorali, Alternattiva Demokratika kienet ċara ħafna dwar il-proposta tal-Partit Laburista li jgħaddi biex jipproduċi l-elettriku bl-użu tal-gass. Għidna li l-kwalita’ tal-arja ser titjieb sostanzjalment kif ukoll li tista’ traħħas il-kontijiet tal-elettriku u l-ilma.
Imma għidna ukoll anke tnax-il xahar ilu illi ma kienx ċar x’kien qed jiġi propost dwar ir-riskji li l-ħażna ta’ kwantita’ kbira ta’ gass daqshekk qrib kemm tal-power station innifisha kif ukoll viċin l-abitat u viċin ħafna ta’ operazzjonijiet marittimi.
Alternattiva Demokratika rat l-istudju dwar l-impatti ambjentali (EIA) u in partikolari l-istudju ta’ Roberto Vaccari dwar l-analiżi tar-riskji liema studju jifforma parti integrali mill-imsemmi EIA.
L-istudju dwar ir-riskji huwa inkonklużiv minħabba illi fil-waqt li jagħmel analiżi ma jwassalx din l-analiżi għal konklużjoni loġika tagħha, in partikolari kif b’mod prattiku l-impjant li jiġġenera l-elettriku bil-gass għandu impatt fuq l-attivitajiet l-oħra li presentement hemm fil-Port ta’ Marsaxlokk.
Vaccari per eżempju jikkonkludi dwar il-possibilita’ ta’ inċident li bħala riżultat tiegħu joħroġ kwantita’ kbira ta’ gass illi s-sħaba (ta’ gass) riżultanti takkumula fl-area quddiem il-Port Ħieles u preċiżament fil-fairway, l-area fejn jimmanuvraw il-vapuri qabel ma jidħlu jħottu t-tagħbija tal-containers. (ara pjanta hawn fuq) Din biss kellha twassal għal konklużjoni li s-soluzzjoni proposta għall-impjant tal-enerġija li jaħdem bil-ġass maħżun fuq vapur hi theddida kbira għas-sigurta’ tal-operazzjoni tal-Port Ħieles.
Pajjiżi oħra joħolqu żona ta’ sigurta madwar l-impjant b’mod illi jiżolaw il-possibilita’ ta’ periklu u ma jħalluħx jinfirex. B’hekk inaqqsu l-impatt fuq il-ħajja tan-nies u fuq il-propjeta’ u jimminimizzaw il-ħsara ekonomika li tista’ tirriżulta. Hekk għamel per eżempju l-Gvern Reġjonali tat-Toscana barra l-Port ta’ Livorno meta stabilixxa żona ta’ sigurta f’distanza ta’ tmien kilometri madwar il-ħażna tal-gass fuq vapur li ġie ankrat 22.5 kilomteri l-barra mill-kosta.
Bl-iskuża li r-rapport tal-analiżi tar-riskju hu wieħed preliminari r-rapport ta’ Vaccari ma jagħmel xejn minn dan. Filwaqt li jsemmi l-possibilita ta’ impatt fuq stallazzjonijiet oħra fil-port ta’ Marsaxlokk (domino effect) la Vaccari u l-anqas l-EIA ma janalizzax kif dan jista’ jseħħ.
Filwaqt li hu magħruf illi l-movimenti maritiimi fil-Port ta’ Marsaxlokk ikollhom jonqsu drastikament, inkluż il-movimenti mis-sajjieda l-EIA hu sieket dwar dan.
Dan kollu kellu jwassal għal rakkomandazzjoni li s-soluzzjoni tal-ħatt u ħażna tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk huma ta’ periklu kemm għar-residenti kif ukoll għall-ekonomija tal-pajjiż.
Pajjiżna għadu fil-ħin biex jimxi lejn soluzzjonijiet oħra. Lil hinn mill-piki politiċi l-unika soluzzjoni prattika hi dik ta’ pipeline li dwaru l-Gvern kien sfortunatament irrifjuta offerta mill-Italja fl-1999.
Li hu żgur hu li ħajjet in-nies hi imprezzabbli.
Aħjar uff inkella aħħ.