F’Ottubru li għadda Der Spiegel kienet irrappurtat illi l-familja Quandt-Klatten (li għandhom madwar 46.7% tal-ishma tal-BMW) kienu taw donazzjoni ta’ €690,000 lis-CDU, l-Partit ta’ Angela Merkel. Din l-informazzjoni kienet waħda pubblika u Der Spiegel ħaditha minn fuq il-website tal-Parlament Ġermaniż u dan skond il-leġislazzjoni Ġermaniża dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi.
Der Spiegel iżda ma waqfitx hawn.
Żiedet tikkummenta li din id-donazzjoni kienet ġiet fl-istess żmien li l-Gvern Ġermaniż ħa deċiżjoni li biha kien ta’ għajnuna kbira lill-industrija tal-karozzi Ġermaniżi. Dan minħabba li wara pressjoni kbira mill-Gvern Ġermaniż il-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent tal-Unjoni Ewropeja kien qabel li jtaffi l-impatt ta’ proposta għal direttiva li kienet immirata biex jitnaqqsu l-emmissjonijiet tal-karozzi. Diversi kienu ikkummentaw u qalu li Merkel kienet fil-but tal-BMW!
Dan hu wieħed minn eżempji, li bħalu hemm ħafna, li jwasslu għall-konklużjoni li min jgħum fil-flus ġieli jipprova jixtri lill-politiċi. Jew aħjar, ġieli jippruvaw iħallsuhom talli jkunu ħadu linja ta’ azzjoni partikolari li tkun ta’ benefiċċju għalihom. F’Malta ukoll nisimgħu minn dawn l-istejjer, imma l-ebda waħda minnhom ma hi dokumentata bħal din l-għotja mis-sidien tal-BMW lill-partit ta’ Angela Merkel. Għax id-donazzjonijiet lill-partiti politiċi f’Malta fil-parti l-kbira tagħhom baqgħu mistura, s’issa.
Il-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti u tal-politiċi f’Malta hi meħtieġa, fost oħrajn, għal dawn it-tip ta’ każi. Bir-reġistrazzjoni tad-donazzjonijiet u bl-aċċess pubbliku għal din l-informazzjoni hu possibli u probabbli li jonqsu l-każi fejn politiċi jkunu fil-but ta’ min jiflaħ jagħti donazzjonijiet sostanzjali.
Ikun hemm min jipprova jdur dawra mal-liġi, kif ġara fir-Renju Unit bl-iskandlu Cash for Honours fejn taparsi kienu qed jiġu mislufin flejjes kbar lill-Partit Laburista Ingliż bħala ħlas għal unuri tal-istat. Fil-fatt dawn ma kienu self xejn iżda donazzjoni lill-Partit.
F’Malta l-pubblikazzjoni il-ġimgħa l-oħra tal-White Paper mill-Gvern kif ukoll il-konsultazzjoni li trid issegwi huma passi tajbin il-quddiem. Issa huwa mportanti li min għandu jisma’ dak li ser jingħad jisma’ sewwa u jagħraf jieħu passi biex il-proposti li saru jkunu jistgħu jiġu imtejba.
Naraw fejn ser naslu fil-ġimgħat li ġejjin.
Ippubblikat fuq iNews it-Tlieta 11 ta’ Frar 2014