Bomba tal-ħin f’Delimara

bomb
Il-proposta ta’ Power Station f’Delimara li taħdem bil-gass flok bil-Heavy Fuel Oil ser twassal għal titjib fil-kwalita’ tal-arja f’Marsaxlokk, Birżebbuga u l-inħawi tal-madwar. Imma huwa ukoll ċar li l-preokkupazzjoni tar-residenti kif espressa fl-istudju dwar l-impatti soċjali għadha m’hiex qed tiġi indirizzata b’mod adegwat. L-istudju dwar ir-riskji mill-gass maħzun fil-Bajja ta’ Marsaxlokk m’huwiex wieħed konvinċenti.

Huwa neċessarju, anzi huwa essenzjali, li l-ħażna tal-gass għall-użu tal-Power Station tinħareg il-barra mill-Bajja ta’ Marsaxlokk.

Alternattiva Demokratika hi konxja li s-soluzzjonijiet tekniċi neċessarji jirrikjedu kemm iż-żmien kif ukoll spejjeż addizzjonali sostanzjali. Huwa importanti għaldaqstant li titwarrab l-għaġġla żejda biex ikunu jistgħu jsiru dawk l-istudji addizzjonali li huma neċessarji biex ma jibqa’ l-ebda dubju li r-riskji kollha li għalihom il-komunitajiet ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa ġew esposti jkunu indirizzati b’mod sodisfaċenti.

Alternattiva Demokratika hi konsistenti. Dan il-kliem qalitu diversi drabi, anke waqt il-kampanja elettorali tal-elezzjoni ta’ Marzu 2013 wara li l-Partit Laburista ħareġ bil-proposti tiegħu li, dakinnhar, kienu nieqsa minn informazzjoni essenzjali.

Is-saħħa u is-sigurta tar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuga għandhom jiġu qabel kull konsiderazzjoni oħra.

Il-kunsens nazzjonali dwar il-ħtieġa tal-użu tal-gass fil-ġenerazzjoni tal-elettriku għandu jitwettaq f’rispett sħiħ lejn ir-residenti. Jekk dan ma jsirx jista’ jwassal biex fil-Bajja ta’ Marsaxlokk tkun istallata bomba tal-ħin.