Il-ħidma biex il-ġenerazzjoni tal-elettriku ma tibqax bl-użu ta’ żejt li jħammeġ (Heavy Fuel Oil) iżda bil-gass, minn dejjem kienet appoġġjata minn-Alternattiva Demokratika.
Kwalita’ aħjar tal-arja u traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma huma l-konsegwenzi diretti ta’ dan il-pass.
F’dawn il-ġranet għaddejja d-diskussjoni dwar l-istudju fuq l-impatt ambjentali ta’ dan il-proġett. Hemm qbil ġenerali fuq ħafna mill-kontenut ta’ dan l-istudju.
Mill-istudju dwar l-impatt soċjali tal-power station bil-gass iżda, toħroġ b’mod ċar il-preokkupazzjoni tar-residenti ta’ Marsaxlokk għall-ħażna tal-ġass fuq opra tal-baħar speċjalizzata (floating gas storage facility). Huwa stmat li 91% tar-residenti ta’ Marsaxlokk ma jaqblux li l-gass għall-użu tal-power station jinħażen ġol-Bajja ta’ Marsaxlokk.
L-istudju ippreżentat dwar ir-riskju li l-ħażna tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, biswit il-power station u faċċata r-raħal ta’ Marsaxlokk, ma jikkonvinċi lil ħadd. In-nies m’hiex konvinta illi r-riskju għal saħħithom, għal ħajjithom u għall-propjeta’ tagħhom hu wieħed minimu. Mhux konvinti li r-riskju hu wieħed minimu. Mhux konvinti li r-riskju hu aċċettabbli.
Kien għalhekk f’waqtu dak li qal il-koordinatur tal-EIA li ser isir studju iktar approfondit tar-riskji involuti. Huwa tajjeb li ser isir dan l-istudju addizzjonali imma hu meħtieġ ukoll illi ma jittieħdux deċiżjonijiet mgħaġġla qabel ma jkun konkluż dan l-istudju. Għax sakemm ma jkunx konkluż studju konvinċenti, l-anqas temporanjament m’hu aċċettabbli li l-ħażna tal-gass għall-użu tal-power station tkun ġol-Bajja ta’ M’Xlokk.
Waqt il-konsultazzjoni pubblika ta’ nhar it-Tnejn intqal illi l-Enemalta m’għandiex flus għal soluzzjonijiet oħra, li jiswew ferm iktar kif ukoll li jieħdu iktar żmien biex jitwettqu.
Il-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja tar-residenti ta’ M’Xlokk u Birżebbuġa kif ukoll is-sigurta’ tagħhom u ta’ ħwejjiġhom huma importanti iktar minn kollox, inkluz mill-flus li jkun meħtieġ illi jintefqu għall-proġett. Nittama biss li qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet ikollna f’idejna l-studju li jgħarbel sewwa r-riskji u dan biex ħadd ma jibqagħlu iktar dubji.
Alternattiva Demokratika ilha żmien tgħid li din hi d-diffikulta unika u reali tal-proġett tal-Power Station f’Delimara li jaħdem bil-gass. Is-saħħa u s-sigurta’ tar-residenti jiġu qabel kollox.
ippubblikata fuq iNews l-Erbgħa 29 ta’ Jannar 2014