Il-gimmick ta’ Simon Busuttil

Busuttil-Muscat

Il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta bl-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza imfassla minn Joseph Muscat u l-konsulenti tiegħu Henley and Partners hi waħda kbira.

Il-bieraħ Simon Busuttil kompla żied ma din il-ħsara billi ddikjara li ser imur il-Qorti u jippreżenta protest ġudizzjarju kontra l-Gvern u kontra Henley and Partners. F’dan il-protest ġudizzjarju Busuttil fi ħsiebu jibqa’ jemfasizza illi meta l-PN ikun fil-Gvern hu determinat illi lil dawk li jkunu xtraw iċ-ċittadinanza jeħodilhom lura.  Dikjarazzjoni ta’ din ix-xorta minn Simon Busuttil tfisser li l-PN taħt Simon Busuttil jiġi jaqa’ u jqum mid-drittijiet tal-bniedem. Simon Busuttil jaf li dak li qed jgħid ma jistax jagħmlu. Jaf li ma jistax b’daqqa ta’ pinna jħassar id-drittijiet akkwistati anke jekk għandu raġunijiet validi li minħabba fihom ma jaqbilx mal-liġi li ħolqot dawk id-drittijiet.

Din id-dikjarazzjoni ta’ Simon Busuttil hi tebgħa kerha fuq il-PN. Busuttil fil-ġimgħat li għaddew iġġustifika dan billi qal li għandu parir legali f’dan is-sens. Busuttil imissu jippubblika l-parir li qed jgħid li għandu kif diġa għamel il-Gvern meta ippubblika l-parir tal-Avukat tar-Repubblika.

Li Simon Busuttil jinsisti li l-Gvern ta’ Muscat jibdel drastikament l-iskema hu tajjeb. Li jikkompeti miegħu dwar min minnhom jagħmel l-iktar ħsara hu tal-biki.