L-iskema taċ-Ċittadinanza ta’ Joseph Muscat: il-kobba tkompli titħabbel

Malta+EU

Il-kobba tal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza qed tkompli titħabbel.

Il-Gvern iddeċieda. Ikkonsulta ruħu, prinċipalment wara li kien ġja ħa d-deċiżjonijiet.

Il-ħsieb li għandu l-Gvern hu wieħed ċar ħafna. Għandu bżonn il-flus biex jiffinanzja il-programm politiku tiegħu. Wara li rabat idejh li ma jżidx taxxi, kif ukoll wara li daħal fi sqaq billi naqqas it-taxxa tad-dħul meta l-pajjiż ma kienx ippreparat għal dan, ma kienx baqa’ wisq fejn idur. Iddeċieda li s-sors tal-finanzjament meħtieġ ser ikun id-dħul mill-bejgħ ta’ madwar 1,800 passaport. Dħul li hu ikkalkulat li jammonta għal madwar €1.20 biljun.

L-argumenti politiċi f’Malta instemgħu għal darba, tnejn u iktar. Kulħadd qal tiegħu, iżda l-Gvern wara li bidel xi dettalji tal-iskema, jidhirlu li għandu jibqa’ għaddej.

Mhux ċar jekk dan il-ħsieb dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza żviluppax mill-elezzjoni lil hawn jew inkella jekk ġiex ikkristalllizzat qabel l-elezzjoni ġenerali. Saru kitbiet diġa f’dan is-sens u hemm min spekula li l-pjan sar qabel l-elezzjoni, iżda nżamm mistur. Qed tiċċirkula l-ideja li l-Partit Laburista (u per konsegwenza l-Gvern iffurmat minnu) qiesu obbligat li jimplimenta din l-iskema. Qiesu jrid jonora xi ftehim milħuq. S’issa dan għadu mhux ċar għax ovvjament ħadd m’hu ser jikxef x’ġara, għalmenu għalissa.

Issa bdiet tiżviluppa fażi oħra tal-istorja. Il-mistoqsija hi dwar jekk il-Gvern Malti (u kwlaunkwe Gvern ieħor fl-Unjoni Ewropeja) għandux id-dritt assolut li jiddeċiedi dwar iċ-ċittadinanza. Minn dak li qalet il-Kummissarju Viviane Reding nhar il-Ħamis hi u tiftaħ id-dibattitu fil-Parlament Ewropew l-Unjoni Ewropeja hi tal-fehma li d-dritt li tkun irregolata ċ-ċittadinanza m’huwiex dritt assolut tal-istati membri. Reding qalet hekk:

While I am not calling for the Commission to receive legal power to determine what constitutes nationality or the rules granting it, the Commission nevertheless expects that Member States act in full awareness of the consequences of their decisions.

Our debate today shows the growing importance of these questions in a European Union where national decisions are in many instances not neutral vis-à-vis other Member States and the EU as a whole. It is a fact that the principle of sincere cooperation, which is inscribed in the EU Treaties (Article 4.3 of the Treaty on European Union), should lead Member States to take account of the impact of decisions in the field of nationality on other Member States and the Union as a whole.”

Fi ftit kliem il-Kummissarju Reding qed tgħid li f’dak li nagħmlu bħala pajjiż irridu ta’ bil-fors nagħtu każ tal-impatti fuq il-pajjiżi l-oħra membri tal-Unjoni. Hi tirreferi għall-artiklu 4.3 tat-trattat dwar l-Unjoni u speċifikament dwar il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera, xi drabi imsejjaħ ukoll il-prinċipju ta’ lejalta’. Dan kollu jfisser ħaġa waħda biss: li għandna d-dritt li niddeċiedu kif irridu sakemm ma neffettwaw lil ħadd. Jekk id-deċiżjoni tagħna bħala pajjiż teffettwa lil ħaddieħor għandna l-obbligu li nikkonsultaw. Iktar ma hu kbir l-impatt iktar irridu nikkonsultaw u allura iktar hu diffiċli li nikkonkludu kif irridu.

Iktar ċari minn hekk l-affarijiet ma jistgħux ikunu!

Issa hawn min qed isemmi skemi f’pajjiżi oħra li jixxiebħu mal-iskema tal-Gvern Malti. Euroactiv.com   iktar kmieni din il-ġimgħa jirreferi għal dokument iċċirkulat fi Strasbourg mill-Gvern Malti li fih jirreferi għal skemi f’pajjiżi oħra dwar ċittadinanza : “Cyprus, Austria, Belgium and Portugal singled out” jgħidilna l-Euroactiv.com. L-iskemi l-oħra huma differenti, ghax prinċipalment huma ibbażati fuq residenza flimkien ma investiment sostanzjali. Tnejn mill-pajjiżi imsemmija (Ċipru u l-Portugall) għandhom ukoll problemi finanzjarji kbar.

S’issa jidher li l-Unjoni Ewropeja ma ikkummentatx dwar dan kollu imma jidher li issa ser tieħu passi. Il-każ ta’ Malta hu l-iktar sfaċċat imma l-każi l-oħra jixxiebħu u probabbilment li l-Unjoni  tikkummenta dwarhom ukoll.

Dan hu l-pass li jmiss. Minn kif tkellmet il-Kummissarju Reding jidher li d-diskusjsoni interna saret u l-ideat huma ċari. Ħames xhur oħra tiġi fi tmiemha l-ħajja tal-Kummissjuni preżenti u allura nistenna li fil-ġimgħat li ġejjin (ferm qabel ma jinbiegħ l-ewwel passaport),  inkunu nafu x’ser tagħmel il-Kummissjoni.

Il-Gvern jidher li ma kienx ippreparat għal dak li ġej. Kuntrarjament għal dak li qed jingħad il-vot tal-Parlament Ewropew għandu sinfikat kbir. Mhux biss huwa dikjarazzjoni politika qawwja. Imma jiftaħ għajnejn Muscat li l-unika appoġġ li għandu huwa ta’ politiċi bħal Marine Le Pen!

Le Pen