Diversi huma l-persuni li jikkummentaw li meta fl-2004 Lawrence Gonzi għażel li jinnomina lill-Eddie Fenech Adami bħala President tar-Repubblika għamel żball. L-argument dejjem kien li m’huwiex fl-interess nazzjonali li persuna li għal snin twal kienet fuq quddiem nett fit-taqbida politika jkun appuntat f’kariga li tissimbolizza l-għaqda nazzjonali.
Naqbel perfettament ma dan l–argument. Avolja Fenech Adami kien President tajjeb u qeda dmiru b’mod impekkabbli.
Li ma jingħadx imma, ħafna drabi hu, li qabel ma Lawrence Gonzi innomina lil EFA fl-2004 kien diġa ippropona lil Ġorg Abela.
Dakinnhar il-Partit Laburista ma kienx irreaġixxa għal din in-nomina iżda minflok ippropona numru ta’ persuni oħra.
Ir-raġuni għal dan ovvjament qegħda fil-posizzjoni li ħa Ġorġ Abela (dakinnhar Deputat Mexxej tal-Partit) fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista fis-sajf tal-1998. Fil-Konferenza Ġenerali Ġorg Abela kien oppona li Alfred Sant ixolji l-Parlament u jsejjaħ elezzjoni.
Filwaqt li posizzjoni ta’ Ġorg Abela dakinnhar kienet waħda iebsa ħafna tant li ħabbar li jekk il-Labour imur għal elezzjoni bikrija kien fi ħsiebu jirreżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit jingħad li fl-istrutturi interni tal-Partit Laburista ftit siegħat qabel il-Konferenza Ġenerali b’mod unanimu d-diriġenti tal-Partit kienu qablu mal-ħtieġa ta’ elezzjoni bikrija.
Ma irnexxilix nikkonferma jekk Ġorġ Abela kienx preżenti għal din il-laqgħa li wasslet għal qbil unanimu. Bosta jsostnu li kien preżenti, li ha sehem f’dik il-laqgħa u għal xi raġuni, wara, bidel il-posizzjoni tiegħu.
Punt interessanti dan li ħadd għadu ma spjega. Ġara x’ġara jidher li lil Ġorġ Abela hemm min ma ħafirlu qatt. Iż-żmien biss inessi u jfejjaq