Alfred Sant: thriller ġdid dwar il-ħatra tal-President George Abela

Alfred Sant 13

Alfred Sant għandu opinjoni ċara dwar il-President il-ġdid tar-Repubblika ta’ Malta li jrid jinħatar f’April li ġej.

Skond Alfred Sant il-President il-ġdid għandu jkun (jew għandha tkun) dik il-persuna li jiddeċiedi l-Prim Ministru. Skond Alfred Sant il-Prim Ministru jiddeċiedi u dik id-deċiżjoni tkun finali. Ma jgħidilniex Dr Sant dwar ir-rwol taI-Parlament. Ovvjament il-loġika tgħidlek li jekk il-Prim jiddeċiedi, il-Parlament ma jibqax  x’jagħmel ħlief li jittimbra.

Interessanti ħafna kemm Dr Sant jemmen fil-konsultazzjoni. Jagħtina ukoll ir-raġunijiet ghaliex għalih il-konsultazzjoni hi ħela ta’ żmien. Għax Lawrence Gonzi, skond Dr Sant, hekk ukoll kien jagħmel. Jgħidilna:

“Kunsiderazzjonijiet hekk twarrbu meta l-PN għażel il-Presidenti “tiegħu”. Id-diskors kien ikun: hekk se jsir. Naf għax kont hemm meta ntqal.”

Pero’ iktar interessanti minn dan kollu huwa l-kumment ta’ Dr Sant dwar il-ħatra ta’ Dr George Abela bħala President tar-Repubblika fl-2009.

Jgħidilna hekk Dr Sant:

“Gonzi-pn għażel President ftit wara li rebaħ elezzjoni bi żbrixx. Ried jidher ftit ħelu qabel jitlaq għat-triq tal-arroganza bla kantunieri. U kellu raġunijiet oħra okkulti li ma jissemmewx”.

Issa din hi ħaga serja ħafna. Li Dr Sant jgħid li Gonzi ried jidher ħelu qabel jitlaq għat-triq tal-arroganza bla kantunieri, imma kellu “raġunijiet oħra okkulti” li ma jissemmewx.

Issa jiena ma nistax nifhem x’jistgħu ikunu dawn  “ir-raġunijiet oħra okkulti” li ma jissemmewx.

Naħseb li qed jgħid li r-raġunijiet huma sigrieta. Raġunijiet moħbija. Imma Dr Sant jaf x’inhuma dawn ir-raġunijiet “okkulti”? Ma nafx, imma forsi għalhekk Dr Sant kien wieħed miż-żewġ membri tal-Grupp Parlamentari Laburista li meta l-Grupp ġie biex jiddeċiedi jekk jappoġġax il-ħatra ta’ George Abela bħala President tar-Repubblika fl-2009 ivvota kontra.

Jekk niftakar sewwa Dr Alfred Sant l-anqas kien attenda l-Parlament meta tressqet il-mozzjoni għall-approvazzjoni tal-ħatra ta’ Dr George Abela.

Verament ried ikun distakkat kemm jista’ jkun mill-okkult.

Nistennew epiżodju ieħor minn dan it-thriller ġdid ta’ Dr Alfred Sant.

Il-Partit Laburista u Ġorġ Abela

Alfred Sant, George Abela and George Vella

Diversi huma l-persuni li jikkummentaw li meta fl-2004 Lawrence Gonzi għażel li jinnomina lill-Eddie Fenech Adami bħala President tar-Repubblika għamel żball. L-argument dejjem kien li m’huwiex fl-interess nazzjonali li persuna li għal snin twal kienet fuq quddiem nett fit-taqbida politika jkun appuntat f’kariga li tissimbolizza l-għaqda nazzjonali.

Naqbel perfettament ma dan l–argument. Avolja Fenech Adami kien President tajjeb u qeda dmiru b’mod impekkabbli.

Li ma jingħadx imma, ħafna drabi hu, li qabel ma Lawrence Gonzi  innomina lil EFA fl-2004 kien diġa ippropona lil Ġorg Abela.

Dakinnhar il-Partit Laburista ma kienx irreaġixxa għal din in-nomina iżda minflok ippropona numru ta’ persuni oħra.

Ir-raġuni għal dan ovvjament qegħda fil-posizzjoni li ħa Ġorġ Abela (dakinnhar Deputat Mexxej tal-Partit) fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista fis-sajf tal-1998.  Fil-Konferenza Ġenerali Ġorg Abela kien oppona li Alfred Sant ixolji l-Parlament u jsejjaħ elezzjoni.

Filwaqt li posizzjoni ta’ Ġorg  Abela dakinnhar kienet waħda iebsa ħafna tant li ħabbar li jekk il-Labour imur għal elezzjoni bikrija kien fi ħsiebu jirreżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit jingħad li fl-istrutturi interni tal-Partit Laburista ftit siegħat qabel il-Konferenza Ġenerali b’mod unanimu d-diriġenti tal-Partit kienu qablu mal-ħtieġa ta’ elezzjoni bikrija.

Ma irnexxilix nikkonferma jekk Ġorġ Abela kienx preżenti għal din il-laqgħa li wasslet għal qbil unanimu. Bosta jsostnu li kien preżenti, li ha sehem f’dik il-laqgħa u għal xi raġuni, wara, bidel il-posizzjoni tiegħu.

Punt interessanti dan li ħadd għadu ma spjega.  Ġara x’ġara jidher li lil Ġorġ Abela hemm min ma ħafirlu qatt. Iż-żmien biss inessi u jfejjaq