Anniversarji u Polemiċi fl-2014

Dom Mintoff + Arc M. Gonzi

Matul l-2014 Malta tfakkar diversi anniversarji. Magħhom hemm minsuġa polemiċi tal-passat, polemiċi li bil-mod għad jinħallu u jieqfu mill-jkunu sors firda.

Infakkru l-50 anniversarju tal-Indipendenza, meta Malta fl-1964 bdiet tmexxi lilha innifisha. Kienet indipendenza politika immedjata imma ekonomikament Malta kienet għadha dipendenti mill-infieq assoċjat mal-bażi militari. George Borg Olivier ħejja l-pedamenti tal-industrija tal-manufattura u beda jinkoraġixxi t-turiżmu. Wieħed mill-argumenti ewlenin fid-dibattitu politiku dwar l-Indipendenza fis-snin sittin kien dwar jekk kienx essenzjali li l-ewwel il-pajjiż ikun b’saħħtu ekonomikament u dan qabel ma jieħu rajh f’idejh. George Borg Olivier dejjem sostna li ħadd ħlief il-Maltin nfushom m’għandhom l-interess li l-pajjiż jiżviluppa ekonomija b’saħħita. Għaldaqstant għalih kienet meħtieġa l-indipendenza immedjata għax din kien iqiesha bħala ċ-ċavetta jew l-għodda essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku. Id-differenza bejn il-Partiti ewlenin ma kienitx l-Indipendenza imma l-Kostituzzjoni.  Il-partiti ż-żgħar min-naħa l-oħra riedu t-tisħiħ ekonomiku qabel l-Indipendenza.

Diversi kienu l-issues kostituzzjonali ta’ konflitt, ewlenin fosthom is-separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja u ż-żwieġ ċivili.

George Borg Oliver kien jieħu l-affarijiet bil-mod, fil-waqt li l-ħidma politika tal-Perit  Mintoff kienet karatterizzata mill-għaġġla. Żewġ metodi ta’ ħidma li t-tnejn nisslu bosta diffikultajiet. Il-ħidma bil-mod ittelfek il-paċenzja għax iddum ma tara ir-riżultati. Il-ħidma mgħaġġla iżżejjed min-naħa l-oħra tnissel problemi ta’ żbalji kultant goffi kif ukoll inġustuzzji ma min jinqabad fin-nofs.

Infakkru l-40 anniversarju mit-twaqqif tar-Repubblika fl-1974 nhar it-13 ta’ Diċembru fuq proposta ta’ Mintoff bl-appoġġ tal-parti l-kbira tal-Opposizzjoni. Baqgħu jopponu l-ħolqien tar-Repubblika George Borg Olivier flimkien mal-ħames membri parlamentari ta’ madwaru. George Borg Olivier ried iżomm il-monarkija iżda l-PN fil-Parlament bi ħġaru appoġġa l-ħolqien tar-Repubblika. Fatt dan li bosta ma jagħtuhx il-piż mistħoqq.

Infakkru l-35 anniversarju tal-egħluq tal-bażi militari li seħħet nhar il-31 ta’ Marzu 1979. Dan il-jum għandu sinifikat politiku sostanzjali għax hu l-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta li ma kienx hawn bażijiet militari ta’ pajjiżi barranin. Kienet aspirazzjoni politika ewlenija tal-Perit Mintoff, bla dubju imsejsa fuq l-osservazzjonijiet u s-sensittivitajiet ta’ tfulitu. Il-fatt li missieru ħadem għal numru ta’ snin mal-Kap Kmandant tal-Forzi Militari Ingliżi f’Malta (Lord Louis Mountbatten) ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja bla dubju  kien element ewlieni fid-determinazzjoni tiegħu li jilħaq dan l-iskop. Għalih Malta “ħelset mill-barrani” u minn hawn ir-referenza għal Jum il-Ħelsien. Titlu li jinstema ftit bombastiku għal uħud iżda li fir-realta hu rifless tal-emozzjonijiet ta’ ġenerazzjonijiet ta’ Maltin li ġustament ħolmu li għad jasal il-jum li f’Malta ma jkunx hawn iżjed forzi militari barranin.

Infakkru l-10 anniversarju tat-tisħib tal-Malta fl-Unjoni Ewropeja. L-aħħar kapitlu f’din l-istorja riċenti ta’ ġensna. Kapitlu frisk mimli suċcessi kif ukoll affarijiet li setgħu saru aħjar. Kapitlu li għadu qiegħed jinkiteb.

Dawn l-anniversarji u l-kontroversji assoċjati magħhom inħmew matul dawn l-aħħar 50 sena. Sawru lil ġensna kif inhu illum. Bil-pożittiv, bin-negattiv u bil-preġudizzji kollha immaġinabbli.

Il-ġenerazzjoni tiegħi għexet kull wieħed minn dawn l-avvenimenti. Ma jdejjaqni l-ebda wieħed minnhom. Ma jfissirx li naqbel ma kif żvolġew. Imma kollha huma avvenimenti li huma parti integrali minn ħajti. Għexthom u naf xi jfissru.

Konxju li fil-pajjiż mhux kulħadd jaħsibha b’dan il-mod. Għad hawn min jixtieq iħassar mill-memorja kollettiva wieħed jew iktar minn dawn l-avvenimenti. Ma naħsibx li dan hu possibli. L-iżvilupp paċifiku ta’ dan il-pajjiż ikun possibli jekk ilkoll naċċettaw li pajjiżna għandu is-sura li għandu illum bħala riżultat ta’ diversi ħidmiet li għalihom ikkontribwixxa kulħadd.

Naf li mhux faċli. Imma fiduċjuż li naslu.

Advertisements

3 comments on “Anniversarji u Polemiċi fl-2014

  1. “George Borg Olivier ried iżomm il-monarkija iżda l-PN fil-Parlament bi ħġaru appoġġa l-ħolqien tar-Repubblika. Fatt dan li bosta ma jagħtuhx il-piż mistħoqq.”

    Forsi wieħed jista’ ma jaqbilx ma’ Borg Olivier minħabba li kien għadu marbut mal-kostituzzjoni tal-1964. U ma rridx infisser li Malta ma kellhiex issir Repubblika. Iżda għandi dubji serji dwar kif daħlet jew ġiet impostha.

    Din il-ġurnata għandha tkun imfakkra għal kif deċiżjoni hekk importanti ittieħdet minn idejn il-poplu bil-barka ta’ kulħadd. Dakinhar ma kinitx issue bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, imma kienet il-Membri Parlamentari kontra l-poplu. Ittieħdet deċiżjoni minn wara dahru, u l-Poplu Malti riedha jew ma ridhiex kellu joqgħod biha.

    • Jiena illimitajt ruħi għall-issue tal-ħolqien tar-Repubblika. Hemm issues oħrajn li jirrizultaw mill-emendi Kostituzzjonali tal-1974. Mhux l-iskop tiegħi f’dan il-blogpost li nidħol f’dawn l-issues. Għalissa hu biżżejjed li niffoka fuq ħaġa waħda. Il-ħolqien tar-Repubblika hu fatt. Hu punt ieħor pożittiv tal-istorja li dwaru il-Labour Party ta’ Mintoff u l-maġġoranza kbira fil-PN qablu mal-ħolqien tagħha.
      Jiena ma għandi l-ebda nostalġija għall-monarkija!
      Ma naħsibx li tista’ tgħid li kienet issue li saret minn wara dahar il-poplu, għax il-Labour taħt Mintoff repetutament ma aċċettax diversi affarijiet fil-kostituzzjoni tal-1964. Kienet ukoll miżura li dwarha kien hemm referenzi fil-programm elettorali ta’ diversi elezzjonijiet: 1962, 1966 u 1971.

      Jekk trid targumenta fuq il-metodi nifhem. Hemm fejn wieħed jikteb mhux ktieb iżda mija. Iżda fl-aħħar il-metodi li tispiċċa tuża, ħafna drabi huma dettati miċ-ċirkustanzi li tkun qiegħed tiffaċċja.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s