Il-kaċċaturi qed jiġbru l-firem biex permezz ta’ petizzjoni jitolbu lill-Parlament sabiex dan jemenda l-liġi tar-referendum. Qed jitolbu li fejn ikunu ser jintlaqtu interessi ta’ xi minoranza ma jkunx jista’ jsir referendum abrogattiv.
Issa tajjeb li nifhmu li kull fejn hemm polemika taħraq – u l-kaċċa fir-rebbiegħa hi polemika taħraq li ilha magħna għal diversi snin – ser ikun hemm min jaqbel u min ma jaqbilx. Dan iwassal biex ikun hemm maġġoranza li jkollha opinjoni u minoranza li jkollha opinjoni differenti!
Dan hu minn awl id-dinja. Dwar kull ħaġa taħt il-kappa tax-xemx.
Fuq ħafna affarijiet jieħu d-deċiżjoni l-Parlament jew il-Gvern u minkejja li jkun hemm kemm min jaqbel kif ukoll min ma jaqbilx l-affarijiet jieqfu hemm.
Imma hemm affarijiet li minkejja li l-Parlament u/jew il-Gvern jieħu deċiżjoni dwarhom l-opinjoni pubblika tibqa’ tbaqbaq kontra dak li jkun ġie deċiż. Għal dawn iċ-ċirkustanzi qiegħed il-proċess ta’ referendum abrogattiv: referendum li permezz tiegħu 10% tal-votanti jsejħu lill-bqija biex flimkien jieħdu id-deċiżjoni huma. Deċizjoni li torbot li kulħadd.
Fi ftit kliem allura, meta l-kaċcaturi u dawk li jaqblu magħhom qed jitolbu li tkun emendata l-liġi tar-referendum qed jgħidu li ma jridux illi d-deċiżjoni dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa jeħduha l-votanti direttament. Iridu li jibqgħu jeħduha l-Gvern u l-Parlament.
Issa meta nafu li l-Parlament u l-Gvern huma illum (u kienu hekk ukoll il-bieraħ) ostaġġi tal-interessi tal-kaċċaturi dan ifisser biss li mhux biss jibqa’ kollox kif inhu talli d-deċiżjonijiet jibqgħu jittieħdu kontra x-xewqat tal-opinjoni pubblika.
Il-kaċċaturi permezz tal-petizzjoni taghħom qed imexxu l-quddiem proposta li hi essenzjalment anti-demokratika.
Il-liġijiet ta’ Malta sal-lum jipprovdu l-għodda demokratika tar-referendum abrigattiv. Din l-għodda kif rajna tul is-snin mhux faċli biex tagħmel użu minna tant li kemm ilha teżisti ħadd ma għamel użu minnha.
Issa fl-aħħar inqalgħu ċirkustanzi li fihom l-għodda demokratika tar-referendum abrogattiv tista’ tkun is-soluzzjoni.
Bis-serjeta’ nemmnu fid-demokrazija? Lesti li nħalluha taħdem?
Matul il-ġimgħat li ġejjin insiru nafu t-tweġiba tal-Gvern għal dawn il-mistoqsijiet.
Sadanittant nafu x’iridu l-kaċcaturi. Iridu li jiġu mnaqqsa d-drittijiet demokratiċi tiegħek u tiegħi.
Ma nistax nifhem kif wieħed ineħħi ħajja biex jiehu gost. U aktar u aktar ma nistax nifhem kif wieħed ineħħi ħajja li tkun sejra biex tirriproduċi, biex jiehu gost u għalxejn aktar. Ma nistax nifhem kif ċerti nies li jgħidu li huma edukati jridu li jagħmlu sarima ma’ ħalq l-elettorat biex ikunu jistgħu jibqgħu jiehdu gost inehhu l-ħajja ta’ ħlejjaq għal gost. U dan qed jagħmluh billi jieħdu ħllejjaq li huma mhux biss tal-poplu kollu imma huma wirt internazjzonali.U minkejja dan ma jridux lil dawk li tagħhom huwa dan il-wirt li jitkellmu.
Jafu li l-politikant huwa bla sinsla u jpoġġi l-interss personali tiegħu tal-vot qabel l-interess nazzjonali. Kieku mhux hekk kieku l-kaċċa fir-rebbiegħa ilha li nqatgħat. Wara li għal snin twal il-kaċċaturi rnexxilhom jirrikattaw lill-politikanti bil-vot issa jridu jagħmlu sarima lill-elettorat. U dan juri l-bżonn urġenti li hemm biex din il-monoranza (kif qalu huma) li għax ixejru arma tan-nar li toqtol f’idejhom jaħsbu li ma jista’ għalihom ħadd, jiġu kkontrollati. Li kieku l-politikant għandu sinsla kieku ma jkunx hemm bzonn ta’ dan ir-referndum abrogattiv, għax kieku l-politikant minn jeddu jgħidilhom ara issa dejjaqtu lil kulħadd u sejrin aħna minn jeddna nneħħu l-kaċċa fir-rebiegħa. U jekk tridu tivvotawalniex għax l-interess nazzjonali jiġi qabel il-vot!
Il-kaċċaturi ma jistgħux jitqiesu bħala minoranza. Minoranza safejn naf jien huma:grupp żgħir reliġjuż li mhux konformi mal-maġġoranza tar-reliġjon imħaddna mill-poplu; grupp etniku ngħidu aħna grupp ta’nies li jgħixu f’ Malta u m’humiex Maltin. Il-kaċċaturi huma kaċċaturi b’għażla, mhux bi twemmin jew b’ċirkostanza.
L-unika ħaġa li tgħaqqad il-kaċċaturi hija ‘il-mogħdija taż-żmien li jisparaw fuq l-għasafar’. B’dan ir-raġunament iċ-ċiklisti, nies li jħobbu jistadu, nies li jħobbu jmorru jimxu fil-kampanja jew nies li jippratikaw xi ħaġa flimkien se jibdew jissejħu minoranzi?
Ħalluna ngħixu!