Konsultazzjoni ODZ: il-fehma ta’ Alternattiva Demokratika

ODZ.MEPA

Dan hu id-dokument bis-sottomissjonijiet li Alternattiva Demokratika ippreżentat lill-MEPA il-bieraħ fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-iżvilupp fl-ODZ, jiġifieri x’jista’ jinbena barra miż-żona tal-iżvilupp :

Politika u Gwida dwar diżinn barra miż-żona ta’ żvilupp

Il-kummenti ta’ Alternattiva Demokratika

Alternattiva Demokratika eżaminat id-dokument ippubblikat mill-MEPA għall-konsultazzjoni pubblika, liema dokument huwa ntitolat  Outside Development Zone Policy and Design Guidance.

Id-dokument jipproponi  l-konsolidazzjoni b’emendi sostanzjali tal-politika kurrenti applikabbli għall-bini agrikolu kif ukoll għaż-żona barra l-iżvilupp.

Fid-dokument in kwistjoni hemm 38  policy differenti.

Id-dokument jagħmel proposti varji dwar l-użu mill-ġdid jew l-iżvilupp mill-ġdid ta’ strutturi eżistenti barra ż-żona ta’ żvilupp. Jintroduċi ukoll proposti dwar il-kostruzzjoni  ta’ strutturi li s’issa ma kienx possibli li jinbnew skond il-politika kurrenti ta’ l-ippjanar ta’ l-użu tal-art.

Id-dokument jonqos milli jikkwantifika u jillokalizza dawk iż-żoni barra miż-żona ta’ l-iżvilupp fejn hemm bini li oriġinalment kien intenzjonat għal skop agrikolu iżda m’għadux użat. In partikolari id-dokument ma jidentifikax fejn hemm żoni f’Malta u Għawdex fejn hemm ammont sinifikanti ta’ bini agrikolu abbandunat.

B’mod speċifiku Alternattiva Demokratika jidhrilha li huwa essenzjali illi jkun kwantifikat kemm hemm bini agrikolu li m’għadux użat.  L-anqas studji dwar l-ammont ta’ bini illegali użat fil-qasam tal-agrikultura ma hu għad disposizzjoni tal-proċess ta’ konsultazzjoni. Il-politika dwar iż-żona barra l-linja tal-iżvilupp ftit għandha siwi jekk din l-informazzjoni ma tkunx magħrufa.

Kien ikun ta’ għajnuna kieku ingħatat stampa ċara u dokumentata tal-impatti li irriżultaw mill-qagħda attwali tal-industrija tat-trobbija tal-majjal u tat-tjur. Jekk dawn l-istudji saru ma jmisshomx inżammu għall-użu intern tal-MEPA iżda kellhom ikunu ippubblikati biex il-proċess ta’ konsultazzjoni jkun infurmat adegwatament dwar il-konsiderazzjonijiet li saru fit-tfassil tal-politika soġgett għal konsultazzjoni pubblika.

Kien ukoll ikun għaqli kieku l-MEPA iġġustifikat il-proposti tagħha dwar l-agrituriżmu. Il-proposta li tippermetti l-bini ta’ għaxart ikmamar li ma jeċċedux l-area ta’ erba’ mitt metru kwadru hi meqjusa waħda esaġerata. Ikun għaqli li wieħed josserva illi fl-Italja fejn l-istat ilu jinkoraġixxi u jappoġġa l-agri-turiżmu għal ta’ l-inqas dawn l-aħħar 25 sena id-daqs medju ta’ servizz offrut minn faċilita ta’ agri-turiżmu hi ta’ 10 sodod, li approssimattivament hi n-nofs ta’ dak rakkomandat mid-dokument ta’ konsultazzjoni.

Dan kollu qiegħed jingħad għax Alternattiva Demokratika hi tal-fehma li l-użu mill-ġdid jew l-iżvilupp mill-ġdid inkluż il-bdil ta’ użu ta’ bini agrikolu eżistenti  li mhux użat biżżejjed inkella hu abbandunat hu pass pożittiv li għandu jkun inkoraġġit. Dan għandu japplika għal dak l-użu kompatibbli mal-agrikultura, inkluż proġetti ta’ agri-turiżmu. Filwaqt li dan it-tip ta’ użu kien diġa permissibli id-dokument li dwaru qed isir konsultazzjoni jagħmel dan iktar ċar.

Alternattiva Demokratika hi tal-fehma li kien ikun ferm aħjar kieku id-dokument ta’ konsultazzjoni inkoraġixxa l-użu mill-ġdid ta’ bini eżistenti (mibni legalment) qabel ma ippropona politika li tinkoraġixxi żvilupp ta’ art verġni barra miż-żona tal-iżvilupp.  Malta ma tiflaħx għall-impatti li jirriżultaw minn żvilupp ta’ iktar art agrikola. L-anqas ma tiflaħ għall-impatti li jirriżultaw jekk l-industrija spekulattiv tittrasferixxi lilha innifisha miz-zoni urbani għal dawk agrikoli. Sfortunatament id-dokument ta’ konsultazzjoni jinkoraġixxi dan permezz tad-diversi proposti dwar il-permissibilita ta’ kostruzzjoni ta’ strutturi ġodda barra miż-żona tal-iżvilupp.

Id-dokument ta’ konsultazzjoni jonqos milli jipproponi kif il-framentazzjoni tar-raba’ użat għall-agrikultura tista’ tkun miġġielda. Fil-fatt bil-proposta li jiffaċilita aċċessi ġodda fiż-żoni agrikoli id-dokument jinkoraġixxi li jsir eżattament bil-maqlub. Jekk l-importanza stateġika tal-agrikultura għall-ekonomija Maltija ser tkun indirizzata din il-frammentazzjoni mhux biss trid tieqaf imma teħtieġ illi titreġġa lura.  Id-dokument ta’ konsultazzjoni jipproponi direzzjoni kompletament differenti u dan billi jinkoraġixxi w jiffaċilita l-frammentazzjoni .

Id-dokument jonqos ukoll milli jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ proposti li saru fi studji fi snin preċedenti dwar il-ġenerazzjoni ta’ enerġija elettrika mill-iskart agrikolu. Din hi materja li teħtieġ li tkun indirizzata b’mod urgenti u dan id-dokument kien il-post addattat fejn dan seta jsir. Bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-prossimita  kien ikun ta’ benefiċċju kieku tfasslu proposti li bħala riżultat tagħhom l-iskart tal-annimali ma jibqax ittrasportat fit-toroq arterjali imma jkun minflok ipproċessat l-iktar viċin possibli ta’ fejn ikun iġġenerat.  Hemm żoni agrikoli kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex fejn hemm konċentrazzjoni ta’ binjiet li fihom jitrabbew l-annimali. F’dawn iż-żoni dawn it-tip ta’ faċilitajiet għandhom mhux biss ikun permissibli, talli għandhom ikunu inkoraġġiti. Proposti ta’ din ix-xorta jwasslu għal prattiċi ta’ immaniġjar sostenibbli tal-iskart u jgħinu biex jitnaqqas sostanzjalment il-piz fuq is-sistema tad-drenaġg kif ukoll fuq it-tlett impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ.

AD kienet tistenna li d-dokument ta’ konsultazzjoni jemfasizza l-ħtieġa li l-bini illegali barra miż-żona tal-iżvilupp jitwaqqa’. Alternattiva Demokratika tittama li dan id-dokument ma jservix biex jiġġustifika t-tkattir ta’ workshops (sprayers, panel beaters ….) jew vilel barra miż-żona tal-iżvilupp.

Fid-dawl ta’ dan Alternattiva Demokratika hi tal-fehma li id-dokument ta’ konsultazzjoni jeħtieġ reviżjoni sostanzjali jekk għandu jkun konformi mal-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli.

Carmel Cacopardo                                                             Simon Galea

Kelliemi għall-Iżvilupp Sostenibbli                             Kelliemi għall-Agrikultura

4 ta’ Diċembru 2013

id-document tal-MEPA intitolat : Outside Development Zones. Policy and Design Guidance.

issibu hawn.

Advertisements

One comment on “Konsultazzjoni ODZ: il-fehma ta’ Alternattiva Demokratika

  1. Prosit Alternattiva; prosit Perit!
    Jahasra dnub li l-MEPA m’ghandhiex l-impenn ambjentali u l-kapacita professjonali taghkom!
    Wisq nibza li id-document tal-MEPA intitolat : ‘Outside Development Zones. Policy and Design Guidance’ ser iservi biss biex isiru aktar oxxenitajiet spekulattivi kontra l-Ambjent Malti.
    Bhal ma diga rajna isiru fil-passat kemm remot kif ukoll wisq aktar vicin sahansitra taht l-amministrazzjoni prezenti li vvutajna bi hgarna favura!
    Il-mistoqsija hija din: Il-Prim Ministru u l-Kabinett prezenti ser jaghtu widen ghall-ghajta gustifikata ta’ protesta minn l-ambjentalisti? Naraw….

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s