Il-kaċċa fl-Universita’

turtle dove 2

Nhar il-Ġimgħa ħadt sehem fid-dibattitu organizzat mill-Kunsill tal-Istudenti Universitarji (KSU) dwar il-kaċca.

Jiena għidt li l-kaċċa fir-rebbiegħa m’hiex aċċettabbli. M’hi aċċettabbli taħt l-ebda forma u dan għax ir-rebbiegħa hu ż-żmien meta l-għasafar għandhom ħtiega ta’ l-iktar protezzjoni possibli minħabba li dan hu ż-żmien meta jbejtu.

Ir-referendum abrogattiv li dwaru s’issa inġabru 25,000 firma  m’hux dwar il-kaċċaturi iżda dwar il-ħarsien tal-għasafar. Ħarsien li tagħtihom id-Direttiva dwar l-Għasafar iżda li hu mċaħħad lilhom f’Malta fejn nilgħabu bin-numri biex ikun hemm xi forma ta’ ġustifikazzjoni għall-kaċċa.

Ir-referendum abrogattiv ma jattakka l-ebda minoranza. Ma jattakka l-ebda dritt. Mhux referendum kontra l-kaċċaturi iżda referendum favur l-għasafar.

Hemm min qed jargumenta kontra l-idea ta’ referendum abrogattiv għax, qed jgħid, li issa ser nibdew b’referendum wara l-ieħor. Dawn tajjeb li jkun jafu li l-liġi dwar ir-referenda ma tippermettix li jsir referendum fuq kollox. Hemm numru ta’ affarijiet li dwarhom ma jistax isir referendum: fosthom dwar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, it-taxxi u trattati internazzjonali.

Malta għandha l-obbligu li ma tippermettix il-kaċċa fir-rebbiegħa. Id-derogi (eċċezzjonijiet) li tippermetti d-Direttiva tal-Għasafar għandhom skop speċifiku li jagħtu protezzjoni lill-avjazzjoni, lis-saħħa u lill-agrikultura u fl-ebda ħin ma jippermettu l-qtil tal-għasafar.

Dawk favur il-kaċċa, kif mistenni nisġu l-argument li llum qed tissemma il-kaċċa fir-rebbiegħa u għada jkun hemm attakk fuq “delizzji” oħra.  Il-kaċċaturi prezenti semmew ukoll il-biża’ tagħhom li, minn restrizzjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa għad ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ proposta għall-abolizzjoni totali tal-kaċċa. Qed ngħid li dan kien mistenni għax ilu magħruf li huwa biss permezz tal-biża li jistgħu jiġbru ftit appoġġ minn persuni li m’humiex kaċċaturi.

Kien hemm waqtiet ta’ għajjat, interruzzjonijiet u argumenti b’vuċi għolja. Tistenna dawn il-waqtiet f’diskussjoni ta’ din ix-xorta. Imma b’mod ġenerali nista’ ngħid li d-diskussjoni imxiet u tmexxiet sewwa. Ħajr lil Norman Vella li mexxa d-diskussjoni u anke, għax le, lill-parteċipanti inkluż lil Joe Perici Calascione (FKNK) u lil Mark Mifsud Bonnici (Kaċċaturi San Umbertu) li wasslu l-argumenti tagħhom b’mod ċivili.

Sadanittant inkomplu niġbru l-firem, inżidu mal-25,000 ġja miġbura.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s