Fil-Parlament il-bieraħ ġew diskussi l-estimi tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Reġgħu issemmew il-ħatriet politiċi. Carm Mifsud Bonnici kelliemi tal-Opposizzjoni għall-Affarijiet Barranin qal li l-ħatriet politiċi fis-servizz diplomatiku żdiedu b’mod li illum għandna 66% tal-ħatriet diplomatiċi li marru għand persuni li m’humiex tas-servizz. Żieda sostanzjali miċ-ċifra ta’ 42%, kif kienet is-sitwazzjoni fil-leġislatura l-oħra.
Il-ħatriet fis-servizz diplomatiku huma importanti ħafna għax il-persuni hekk maħtura jirrappreżentaw lill-pajjiż. Huma l-ewwel linja ta’ kuntatt ma pajjiżi oħra.
Ambaxxatur tajjeb jiswa mitqlu deheb, kemm għall-pajjiż kif ukoll għall-Gvern.
Kull pajjiż jagħmel ħatriet politiċi fis-servizz diplomatiku. Malti la hi eċċezzjoni u l-anqas ma qiegħed nipproponi li għandha tkun eċċezzjoni. Imma hu neċessarju ukoll li nivvalorizzaw is-servizz diplomatiku, dak jiġifieri li hu magħmul minn career diplomats.
Fil-leġislatura l-oħra l-Parlament iddiskuta u approva mozzjoni dwar wieħed mill-ambaxxaturi Maltin li kellhom ħatra politika. Il-Parlament għamel dan biex jgħarbel il-ħidma ta’ dan l-ambaxxatur u eventwalment iddeċieda li jiċċensurah.
F’pajjiż żgħir bħal tagħna jkun utli kieku l-Parlament jgħarbel il-ħatriet ta’ ambaxxaturi qabel ma jsiru dawn il-ħatriet u mhux wara. Ikun għaqli li jkun assigurat li minbarra l-lealta’ tagħhom lejn il-Gvern, l-ambaxxaturi għandhom ukoll il-kapaċitajiet, il-kompetenza u t-taħriġ neċessarju biex jaqdu d-doveri tagħhom.
M’għandi l-ebda dubju illi kieku l-ħatriet diplomatiċi jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Parlament uħud mill-persuni li inħatru ambaxxaturi riċentement anke l-Gvern kien jaħsibha darbtejn dwar il-ħatra tagħhom. Għax fil-waqt li kif qal il-Ministru George Vella hu neċessarju li wieħed jagħtihom ċans jaħdmu qabel ma jiġġudikom, min hu tond mhux ser isir kwadru, anke jekk taghtih ċans.