Id-deċiżjoni tal-Gvern li jneħħi l-obbligu mill-liġi taċ-ċittadinanza illi jkunu ippubblikati l-ismijiet tal-persuni kollha li jingħataw iċ-ċittadinanza għamlet ħsara kbira lill-pajjiż.
Il-ħsara saret mid-deċiżjoni innifisha u min-nuqqas tal-Gvern li jkun sensittiv għall-opinjoni pubblika f’Malta stess. Ħsara li ġiet riflessa fil-kummenti fil-media internazzjonali.
Il-kritika li saret fil-pubbliku minn diversi kien obbligu. Kien nuqqas tal-Gvern li injora din il-kritika għax dehrlu li kellu s-saħħa li jirrombla minn fuq kulħadd.
Issa l-Gvern iċċaqlaq. Louis Grech Deputat Prim Ministru qal li ċempillu l-Prim Ministru Joseph Muscat u qallu bil-posizzjoni l-ġdida.
Possibli li l-Partit Laburista jaċċetta dan il-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet? Dan hu l-mod kif jiddeċiedi il-Labour? Jiddeċiedi Joseph u jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu bit-telefon. Possibli li dan hu l-livell ta’ diskussjoni politika fil-Partit Laburista?
Sal-lum jiena kont qed inqis li l-liġi taċ-ċittadinanza hu kaz ta’ġudizzju politiku (tal-Labour) żbaljat. Imma issa jidher li hu ħafna agħar minn hekk. Donnu li fil-Labour Party ta’ Malta wieħed jiddeċiedi u l-oħrajn ibaxxu rashom wara li jirċievu telefonata.
Il-ħsara li saret hi kbira. Hu ċar kif il-Labour jiddeċiedi: bit-telfon. Imma agħar minn hekk ġiet imtappna r-reputazzjoni ta’ Malta. Din hi ħsara kbira li l-effetti tagħha għad irridu inħossuhom.