Sal-ponta ta’ imnieħru

nose2

Għall-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil, il-mod kif żviluppat l-istorja tal-bejgħ taċ-ċittadinanza għall-prezz ta’ €650,000 hi sħaba sewda għax il-Gvern irrombla minn fuq l-Opposizzjoni. Simon Busuttil kompla jgħid li dak li ġara hu ta’ theddida għad-demokrazija.

Il-Gvern wasal għall-konklużjoni li l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza  hi mezz tajjeb biex bih jiġbor il-miljuni għal numru ta’ snin, biżżejjed biex ikollu l-mezzi ħalli jiffinanzja l-programm politiku li jrid iwettaq mingħajr ma jżid taxxi. Jidher li ngħata pariri dwar dan kemm mill-konsulenti tiegħu kif ukoll minn dawk li nirreferu għalihom bħala lobbyists.

Il-Gvern geżwer il-proposta tiegħu fis-segretezza. Fatt li saħħah l-argument li minkejja d-due diligence kollha li jista’ jkun hemm xorta hemm il-possibilita ta’ karattri mhux mixtieqa li japplikaw għal u jakkwistaw din iċ-ċittadinaza.

Li kieku l-Gvern aċċetta s-suggeriment li jneħħi s-segretezza, proposta li saret mill-Alternattiva Demokratika,  mill-Opposizzjoni, kif ukoll mis-soċjeta’ ċivili, argument qawwi kontra din l-iskema taċ-ċittadinanza kien ikun eliminat.

Il-konsegwenza tal-iskema kif approvata mill-Parlament hi li Malta tidher li biex iddaħħal il-flus hi lesta li tiddefendi l-interessi ta’ min ma jridx jikxef l-identita tiegħu.Issa dan kollu jmur kontra r-reputazzjoni li Malta kisbet tul is-snin bħala ċentru finanzjarju serju u ta’ min jafdah. Sfortunatament din ir-reputazzjoni tajba inevitabilment ser tittappan u dan minħabba li s-segretezza tal-iskema taċ-ċittadinanza inevitabilment ser tkun assoċjata mal-idea ta’ tax haven. Dan kollu jista’ jwassal għal impatt negattiv fuq is-servizzi finanzjarji li huma ibbażati f’Malta bħala riżultat ta’ din ir-reputazzjoni tajba. B’mod li dak li l-Gvern idaħħal mill-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza jintilef minn banda oħra.

Imbagħad hemm l-issue tal-prinċipji involuti. Fir-realta’ hawnhekk ingħataw messaġġi konfliġġenti. Għax fil-prinċipju hemm qbil maċ-ċittadinanza ekonomika. Id-differenza ta’ opinjoni hi dwar x’inhu meqjus bħala investiment aċċettabbli. Il-Gvern għażel mudell ta’ donazzjoni “żgħira” minn għand numru imdaqqas bħalma hu ipprattikat f’diversi pajjiżi fil-Karibew filwaqt li l-kontro-proposta hi l-mudell Awstrijak ta’ investiment sostanzjali.

Il-kuntrast bejn iż-żewġ mudelli hu li l-mudell li għażel il-Gvern iwassal għall-fondi direttament fil-kaxxa ta’ Malta li dwarhom ikun il-Gvern li jiddeċiedi kif ikunu investiti. Min-naħa l-oħra l-mudell Awstrijak idum iktar biex jagħti r-riżultati. Apparti dan dwar l-investimenti mill-mudell Awstrijak il-Gvern, ftit li xejn ikollu kontroll fuq kif jitħaddem.

Bħalissa l-istampa internazzjonali qed tirrapporta dak li Malta qed toffri għall-bejgħ passaport għall-Unjoni Ewropeja. Nistennew u naraw kif ser jiżviluppaw l-affarijiet u l-konsegwenzi.

L-issue kollha taċ-ċittadinanza hi deċiżjoni politika li ma naqbilx magħha għax hi ibbażata fuq konsiderazzjonijiet ta’ benefiċċju “short term”.  Fil-waqt li l-anqas dan l-impatt “short term” ma hu assigurat għad irridu naraw jekk l-impatt negattiv antiċipat fuq is-servizzi finanzjarji iseħhx. Filwaqt li nixtieq li dan ma jiġrix, issa hu ċar li għandna Gvern li jħares sal-pont ta’ imnieħru.