Il-bieraħ fil-għodu Alternattiva Demokratika għamlet sejħa lis-soċjeta ċivili biex tingħaqad u issejjaħ referendum abrogattiv dwar il-liġi li l-Parlament kellu u fil-fatt approva l-bieraħ stess biex ikun possibli illi l-Gvern ibiegħ iċ-ċittadinanza lil min ikun lest li jħallas €650,000.
Is-sejħa ta’ Alternattiva Demokratika intlaqgħet tajjeb mill-parti l-kbira ta’ dawk li ikkummentaw.
Hemm min iżda għadu ma fehemx b’mod ċar dak li qiegħed jiġi propost.
Il-proposta hi li jitħaddmu l-proċeduri tal-liġi dwar ir-Referenda b’mod li deċiżjoni li ħa l-Parlament, f’dan il-każ approvazzjoni ta’ liġi, tkun imħassra.
Kien hemm min qal li għax il-Gvern ma jaqbilx ma dan allura jaħsbu li dan ma jistax isir. Kien hemm min ikkummenta li l-maġġoranza Parlamentari ta’ 9 voti li għandu l-Gvern ifisser li prattikament jista’ jagħmel li jrid.
Is-sejħa ta’ referendum abrogattiv (jiġifieri referendum li jħassar liġi jew strument legali bħalma huma regolamenti) ma jiddependix mill-Gvern. Jiddependi minn jekk ikunx hemm 10% tal-votanti reġistrati fl-aħħar reġistru elettorali li jaqblu li jissejjaħ tali referendum. Dawn l-10% tal-votanti bħalissa jammontaw għal madwar 35,000 persuna.
Mela jekk 35,000 persuna jiffirmaw il-petizzjoni biex jissejjaħ ir-referendum il-proċess għal dan ir-referendum jibda u ma jkun jista’ jżommu ħadd ħlief il-Qorti.
Allura, qalu uħud, ser jibda jkollna referendum fuq kull ħaġa ta’ xejn?
It-tweġiba hi li le, mhux ser jibda jkollna referendum fuq kull ħaġa ta’ xejn.
Hemm affarijiet li dwarhom ma jistax jissejjaħ referendum. Dawn l-affarijiet jinkludu kull leġislazzjoni fiskali (bħat-taxxi), il-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Liġi li inkorporat il-Konvenzjoni Ewropeja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-liġi Maltija, trattati Internazzjonali li Malta rratifikat, il-liġi dwar l-Elezzjoni Ġenerali u l-liġi dwar l-interpretazzjoni.
Il-liġijiet Maltin jipprovdu għal tlett tipi ta’ referenda.
L-ewwel tip ta’ referendum hu biex ikunu approvati uħud mill-emendi għall-Kostituzzjoni ta’ Malta.
It-tieni tip ta’ referendum huwa dak li jsir biex il-Gvern jikkonsulta ruħu, bħalma sar bir-referendum dwar t-tisħib ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, dak dwar l-Indipendenza jew dak dwar l-Integration, kif ukoll ir-referendum dwar id-divorzju. Dan jissejjaħ referendum konsultattiv.
It-tielet tip ta’ referendum huwa dak li jħassar liġijiet (jew regolamenti). Dan it-tip ta’ referendum jissejjaħ referendum abrogattiv. S’issa għadu qatt ma sar referendum abrogattiv f’Malta.
Bħalissa qed jinġabru l-firem biex isir l-ewwel referendum abrogattiv dwar il-kaċca fir-rebbiegħa. Twaqqfet koalizzjoni magħmula minn Alternattiva Demokratika u tlettax-il għaqda ambjentali. Il-proposta f’dan il-każ hi li jitħassru regolamenti li jippermettu din it-tip ta’ kaċċa. Kif tħabbar, s’issa inġabru 20,000 firma. Jiġifieri jonqos madwar 15,000 firma oħra.
Fil-proposta tal-bieraħ Alternattiva Demokratika stiednet lis-soċjeta ċivili biex tingħaqad flimkien ħalli titfassal kampanja għal referendum abrogattiv dwar l-emendi għal-liġi taċ-ċittadinanza approvati il-bieraħ mill-Parlament. Jekk u kif dan jista’ jsir għad irridu naraw.
Għax ir-referendum abrogattiv hu għodda importanti ta’ pajjiż demokratika. Għodda li permezz tagħha hu possibli li tittieħed deċiżjoni finali dwar kontroversji fil-pajjiż. Din hi għodda li ma ġietx użata biżżejjed f’Malta. Hemm bżonn nifhmu iktar kemm din hi għodda b’saħħitha biex inkunu nistgħu nagħmlu użu tajjeb tagħha.
M’humiex ħafna l-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom din il-possibilita’ li jħassru deċiżjoni tal-Parlament. Il-ġar tagħna l-Italja hu wieħed minn dawn il-pajjiżi fejn il-poplu permezz ta’ referendum abrogattiv għal darba darbtejn ħassar id-deċiżjoni tal-Parlament Taljan dwar il-politika u l-impjanti nuklejari.
Ir-referendum abrogattiv jagħtina d-dritt li niddeċiedu aħna bil-vot tagħna dwar affarijiet li ma nkunux naqblu ma kif iddeċidhom il-Parlament. Għax għalkemm il-Parlament huwa l-għola istituzzjoni tal-pajjiż, anke l-Parlament ikollu jbaxxi rasu quddiem il-vot kif espress f’referendum.
Id-demokrazija tagħna żviluppajniha sa dan il-punt. Nagħmlu użu bil-għaqal mid-drittijiet tagħna biex anke l-Parlament jifhem li għandu l-obbligu li jirrispetta d-drittijiet u l-fehmiet tagħna ilkoll.
Is it this way AD wants to show its existence? This would lead you to no where. It is better AD re-organizes itself setup its own agenda and show that it is different from the two other parties.
If AD wants to be just a pressure group then this approach would make sense, but if not then AD has to work in full blast to renew itself from its grass routes.
The referendum is an important democratic tool. Those who shun it have not yet understood the basics of democracy.
proset, hemm bzonn li l-poplu jibda jifhem iktar li hu ghandu sahha f’demokrazija li tmur lill hinn minn sempliciment jivvota darba f’hames snin!! dan hu dritt taghna u ghandna naghmlu cert li nezercitaw dan id-dritt specjalment meta qed jittiehdu decizjonijet daqstant serji mil-gvern bla konsultazzjoni.
Could you please explain to all why the PL is saying that the NP, if in power, cannot constitutionally withdraw citizenship given under this new law, while it did not have any constitutional authority to approve it, in the first place? As I see it, since this government could do it, any other government could withdraw it , as well as its resulting concessions since it has so declared and approved in the first instance.
Thanks and regards,
Joe Cachia
You have all the answers in the Attorney General’s advice to Government! As soon as a link is available I will post it.