Ir-referendum: għodda b’saħħitha f’pajjiż demokratiku

referendum.EU

Il-bieraħ fil-għodu Alternattiva Demokratika għamlet sejħa lis-soċjeta ċivili biex tingħaqad u issejjaħ referendum abrogattiv dwar il-liġi li l-Parlament  kellu u fil-fatt approva l-bieraħ stess biex ikun possibli illi l-Gvern ibiegħ iċ-ċittadinanza lil min ikun lest li jħallas €650,000.

Is-sejħa ta’ Alternattiva Demokratika intlaqgħet tajjeb mill-parti l-kbira ta’ dawk li ikkummentaw.

Hemm min iżda għadu ma fehemx b’mod ċar dak li qiegħed jiġi propost.

Il-proposta hi li jitħaddmu l-proċeduri tal-liġi dwar ir-Referenda b’mod li deċiżjoni li ħa l-Parlament, f’dan il-każ approvazzjoni ta’ liġi, tkun imħassra.

Kien hemm min qal li għax  il-Gvern ma jaqbilx ma dan allura jaħsbu li dan ma jistax isir. Kien hemm min ikkummenta li l-maġġoranza Parlamentari ta’ 9 voti li għandu l-Gvern ifisser li prattikament jista’ jagħmel li jrid.

Is-sejħa ta’ referendum abrogattiv (jiġifieri referendum li jħassar liġi jew strument legali bħalma huma regolamenti) ma jiddependix mill-Gvern.  Jiddependi minn jekk ikunx hemm 10% tal-votanti reġistrati fl-aħħar reġistru elettorali li jaqblu li jissejjaħ tali referendum. Dawn l-10% tal-votanti bħalissa jammontaw għal madwar 35,000 persuna.

Mela jekk 35,000 persuna jiffirmaw il-petizzjoni biex jissejjaħ ir-referendum il-proċess għal dan ir-referendum jibda u ma jkun jista’ jżommu ħadd ħlief il-Qorti.

Allura, qalu uħud, ser jibda jkollna referendum fuq kull ħaġa ta’ xejn?

It-tweġiba hi li le, mhux ser jibda jkollna referendum fuq kull ħaġa ta’ xejn.

Hemm affarijiet li dwarhom ma jistax jissejjaħ referendum.   Dawn l-affarijiet jinkludu kull leġislazzjoni fiskali (bħat-taxxi), il-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Liġi li inkorporat il-Konvenzjoni Ewropeja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-liġi Maltija, trattati Internazzjonali li Malta rratifikat, il-liġi dwar l-Elezzjoni Ġenerali u l-liġi dwar l-interpretazzjoni.

Il-liġijiet Maltin jipprovdu għal tlett tipi ta’ referenda.

L-ewwel tip ta’ referendum hu biex ikunu approvati uħud mill-emendi għall-Kostituzzjoni ta’ Malta.

It-tieni tip ta’ referendum huwa dak li jsir biex il-Gvern jikkonsulta ruħu, bħalma sar bir-referendum dwar t-tisħib ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, dak dwar l-Indipendenza jew dak dwar l-Integration, kif ukoll ir-referendum dwar id-divorzju. Dan jissejjaħ referendum konsultattiv.

It-tielet tip ta’ referendum huwa dak li jħassar liġijiet (jew regolamenti). Dan it-tip ta’ referendum jissejjaħ referendum abrogattiv. S’issa għadu qatt ma sar referendum abrogattiv  f’Malta.

Bħalissa qed jinġabru l-firem biex isir l-ewwel referendum abrogattiv dwar il-kaċca fir-rebbiegħa. Twaqqfet koalizzjoni magħmula minn Alternattiva Demokratika u tlettax-il għaqda ambjentali. Il-proposta f’dan il-każ hi li jitħassru regolamenti li jippermettu din it-tip ta’ kaċċa. Kif tħabbar, s’issa inġabru 20,000 firma. Jiġifieri jonqos madwar 15,000 firma oħra.

Fil-proposta tal-bieraħ Alternattiva Demokratika stiednet lis-soċjeta ċivili biex tingħaqad flimkien ħalli titfassal kampanja għal referendum abrogattiv dwar l-emendi għal-liġi taċ-ċittadinanza approvati il-bieraħ mill-Parlament. Jekk u kif dan jista’ jsir għad irridu naraw.

Għax ir-referendum abrogattiv hu għodda importanti ta’ pajjiż demokratika. Għodda li permezz tagħha hu possibli li tittieħed deċiżjoni finali dwar kontroversji fil-pajjiż. Din hi għodda li ma ġietx użata biżżejjed f’Malta. Hemm bżonn nifhmu iktar kemm din hi għodda b’saħħitha biex inkunu nistgħu nagħmlu użu tajjeb tagħha.

M’humiex ħafna l-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom din il-possibilita’ li jħassru deċiżjoni tal-Parlament. Il-ġar tagħna l-Italja hu wieħed minn dawn il-pajjiżi fejn il-poplu permezz ta’ referendum abrogattiv għal darba darbtejn ħassar id-deċiżjoni tal-Parlament Taljan dwar il-politika u l-impjanti nuklejari.

Ir-referendum abrogattiv jagħtina d-dritt li niddeċiedu aħna bil-vot tagħna dwar affarijiet li ma nkunux naqblu ma kif iddeċidhom il-Parlament. Għax għalkemm il-Parlament huwa l-għola istituzzjoni tal-pajjiż, anke l-Parlament ikollu jbaxxi rasu quddiem il-vot kif espress f’referendum.

Id-demokrazija tagħna żviluppajniha sa dan il-punt. Nagħmlu użu bil-għaqal mid-drittijiet tagħna biex anke l-Parlament jifhem li għandu l-obbligu li jirrispetta d-drittijiet u l-fehmiet tagħna ilkoll.