Segwejt il-budget u qrajt uħud mill-kummenti dwaru. Il-budget mhux wieħed ħażin iżda huwa sfukat. Fih miżuri posittivi. Fih ukoll numru ta’ miżuri kontradittorji.
Meta tħares lejn l-estimi l-ewwel mistoqsija loġika hi dwar id-dħul li l-Gvern qiegħed jipproġetta. Billi f’Gunju li għadda d-dħul mill-VAT u t-taxxa tad-dħul kienu baxxi meta mqabbla ma dak proġettat, għadu mhux ċar jekk il-projezzjonijiet tad-dħul tal-Gvern għall-2014 humiex ottimisti ż-żejjed. Issa skont il-Ministru tal-Finanzi l-projezzjonijiet li fuqhom huwa bbażat il-budget ġew verifikati mill-Awditur Ġenerali. Dan għandu jserrħilna moħħna imma l-Ministru għandu jippubblika l-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali.
Inqis it-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, l-bidu tal-proċess tal-ftuħ ta’ childcare centres b’xejn, l-emfasi fuq il-kunċett ta’ ‘making work pay’, kif ukoll il-proposti ta’ programmi w inċentivi għal żgħażagħ li la qegħdin fis-suq tax-xogħol u l-anqas jistudjaw fost il-miżuri pożittivi ewlenin tal-budget imressqa l-bieraħ mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.
Madanakollu meta tħares lejn il-budget fit-totalita’ tiegħu Alternattiva Demokratika tħoss li huwa sfukat u filwaqt li hemm ftit kliem fuq kollox, il-propost konkreti li fih huma ftit. Fih ukoll numru ta’ kontradizzjonijiet.
F’xi oqsma m’hemmx direzzjoni ċara. Eżempju ta’ dan huwa fejn jidħlu l-awtoritajiet u l-kummissjonijiet, għax minflok jissimplifika l-amministrazzjoni l-Gvern qed jikkomplika l-affarijiet. F’pajjiz żgħir fid-daqs bħal Malta, minflok ma jkompli jikkonsolida l-awtoritajiet il-Gvern qed jerġa’ jisparpalja r-riżorsi bil-ħolqien ta’ awtoritajiet u kummissjonijiet ġodda. Eżempju ta’ dan huwa l-ħolqien tal- Awtorita dwar l-Avjazzjoni, liema qasam se jerga jinqata’ minn Transport Malta u dan wara li matul l-aħħar snin kienet seħħet il-konsolidazzjoni ta’ l-oqsma kollha konnessi mat-trasport f’Awtorita’ waħda . B’id waħda l-Gvern jipprietka kontra l-burokrazija u bl-oħra jkattarha.
Fil-budget il-Gvern jemfasizza l-bżonn tal-ħarsien tal-kosta, iżda imbagħad iħalli l-oxxenita ambjentali kbira tal-abbużi tal-bini illegali fuq art pubblika fl-Armier. Tisemmi emfasi fuq il-monitoraġġ tal-kwalita’ tal-arja imma fl-istess ħin ser jiżdied it-traffiku fil-Belt Valletta. Għax il-problema tal-Belt Valletta mhiex ic-CVA imma in-nuqqas ta’ spazji għal parkeġġ u allura hu inutli illi l-karozzi jistgħu jidħlu bla ħlas wara is-2.00pm u nhar ta’ Sibt jekk spazju fejn jipparkjaw ma hemmx. L-uniku impatt li miżura bħal din ser ikollha fuq il-Belt hu ta’ karozzi jduru jfittxu fejn jipparkjaw bil-konsegwenza ta’ iktar emissjonjiet li bla dubju jkollhom impatt negattiv fuq il-kwalita’ tal-arja.
Dan iwassal għal konklużjoni loġika li tal-inqas għalissa l-Gvern qata’ qalbu li jkun hemm trasport pubbliku sura, anke lejn il-Belt. M’hemm l-ebda referenza għal inkoraggiment ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport u lanqas ma jissemmew ideat dwar kif se titjieb s-sistema tat-trasport pubbliku. Il-budget jistaħba wara in-negozjati mal-Arriva li għadhom pendenti u fi stadju delikat.
Jidher ukoll li l-Gvern qata’ qalbu li għalissa jsolvi l-problema ta’ tfal li qed jitwasslu kmieni ħafna l-iskola. Is-soluzzjoni li ħareġ biha hija li joffri kolazzjon lit-tfal li jkun kmieni l-iskola. Dan flok ma ttanta li jfassal strateġija kredibbli li ssaħħaħ t-trasport lejn l-iskejjel.
Filwaqt li t-taxxi għal min jaqla’ l-aktar ikomplu jonqsu, l-persuni b’diżabilita se jibqgħu b’pensjoni miżera ta’ nofs il-paga minima. Fl-istess ħin il-paga minima, li tfisser li familji sħaħ jgħixu fil-periklu tal-faqar, se tibqa’ l-istess. Il-proposti tal-Caritas għal bidla fil-paga minima bħala strument ta’ għajnuna lill-kategoriji l-iktar vulnerabbli fis-soċjeta ġie injorat. L-aġġustament għall-għoli tal-ħajja fil-paga minima jħalliha fl-istess ilma.
Għal Alternattiva Demokratika il-budget għaldaqstant m’huwiex wieħed negattiv iżda sfukat.
ippubblikat fuq iNews it-Tlieta 5 ta’ Novembru 2013