Il-permess tal-Mistra Village: ftit riflessjonijiet

Mistra Village proposed development

L-approvazzjoni għall-ħruġ ta’ permess finali biex dak li kien il-Mistra Village ikun żviluppat m’hu xejn ġdid. Bħalu kellna u ser ikollna bil-gzuz.

Imma hemm numru ta’ affarijiet li ġraw li ta’ min jaħseb ftit dwarhom.

L-ewwel nett insellem lil Simone Mizzi minn Din l-Art Ħelwa u Astrid Vella minn Flimkien għal Ambjent Aħjar li ippresentaw il-każ f’isem is-soċjeta’ ċivili. Li ma rnexxilhomx jikkonvinċu maġġoranza tal-membri tal-Bord tal-MEPA mhux tort tagħhom. L-approvazzjoni tal-permess hi kaġun tal-fatt li l-maġġoranza tal-membri tal-Bord tal-MEPA jaħsbuha b’mod differenti.

Kien hemm wieħed mill-membri tal-Bord li ddejjaq bil-kummenti li kienu għaddejjin u ħin minnhom żbroffa u qal li kulħadd irid jifhem li l-Bord tal-MEPA kif kostitwit illum għandu fuq spallejh obbligi li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ qabel.

Issa huwa veru li kien hemm outline permit, jiġifieri permess fil-prinċipju. Imma hu veru ukoll li fil-passat kien hemm ċirkustanzi li fihom il-Bord tal-MEPA xorta ma approvax permess ta’ żvilupp minkejja l-eżistenza ta’ outline permit. Hekk kien ġara fil-każ ta’ żvilupp mill-ġdid (redevelopment) tal-fabbrika tas-7 Up f’Santa Venera. Minkejja l-outline permit il-Bord tal-MEPA dakinnhar immexxi minn Austin Walker kien irrifjuta li joħroġ permess ta’ żvilupp.

Punt ieħor huma l-veduti li jikkuntrastaw fi ħdan il-PN. Ir-rapprezentant tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Bord tal-MEPA ippropona li l-iżvilupp propost jitnaqqas u dan biex jonqos l-impatt fuq ir-residenti. Dan jikkuntrasta mal-presenza tal-President tal-PN Dr Ann Fenech fil-kwalita’ tagħha ta’ konsulent legali tal-iżviluppaturi mill-Kuwait. Mhux biċċa tiegħi min ikunu l-konsulenti legali tal-iżviluppaturi. Imma huwa importanti li ninnotaw li President tal-Eżekuttiv tal-PN  xejn ma iddejqet li tagħti messaġġ li jikkuntrasta b’mod negattiv mal-posizzjoni li ħa r-rappresentant tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista fuq il-Bord tal-MEPA.

Dan iġibni għall-aħħar osservazzjoni. Iż-żewġ partiti fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, it-tnejn li huma, kull wieħed bil-mod tiegħu, fittxew li jaġevolaw l-industrija tal-bini.

Tul is-snin il-PN ipprova jitħabbeb maż-żewġ naħat, kemm mal-industrija tal-bini kif ukoll mal-ambjentalisti. Ir-riżultat hu li m’għandu kredibilita’ ma ħadd għax ma tistax togħġob lil kulħadd.

Il-Labour hu iktar ċar: l-industrija tal-bini għalih hi mutur importanti għall-ekonomija. U ħalef li jagħtiha l-għajnuna kollha possibli. Hekk qed jagħmel. Qed jimxi ma dak li wiegħed.  Il-permess tal-Mistra Village hu wieħed li bħalu għad irridu naraw ħafna oħra.

Nipprotestaw? Iva mela le.  Huwa tajjeb li nuru li ma naqblux ma dawn id-deċiżjonijiet. Imma kien ikun aħjar li iktar nies fehmu x’wegħdu l-PN u l-Labour qabel l-elezzjoni ġenerali. Kieku forsi kien ikun hemm bżonn ta’ inqas protesti.

Imma għal bosta dan it-tip ta’ “żvilupp” ma kienx konsiderazzjoni importanti qabel l-elezzjoni! Huwa biss issa li qed jirrealizzaw li wara kollox dan il-bini b’mod goff ser jeffettwalhom il-kwalita’ ta’ ħajjithom.

Imma issa l-froġa lesta.

3 comments on “Il-permess tal-Mistra Village: ftit riflessjonijiet

  1. X’kienu l-VERA r-ragunijiet li l-bord irrifjuta l-outline permit tas-Seven up? X’inhuwa l-impatt fuq ir-residenti tal-Mistra? M’huwiex veru li l-industrija tal-bini hija mportanti ghall-ekonomija, ikun hemm min ikun hemm fil-gvern? Mhux sew li wiehed jipprova ‘jithabbeb’ ma kulhadd? Mhux ahjar jibda’ jkun hemm djalogu xieraq li, min imur jiddjaloga, ikun lest li jbiddel fhemtu. Jekk xi hadd imur jiddjaloga minghajr m’hu/i lest/a li j/tbiddel fhemtu/a ikun qed jimponi u mhux jiddjaloga. F’kaz ta’ nuqqas ta’ qbil id-demokrazija titlob li l-maggoranza tirbah!

    • Hadd m’hu qed jghid li l-maggoranza m’ghandix tirbah, jigifieri tiddeciedi skond il-fehma taghha. Imma dan ma jibdel xejn mill-fatt li fil-kaz tal-Mistra l-maggoranza fil-fehma tieghi u ta’ bosta hi zbaljata.

  2. Carm, ma nafx minn fejn sejjer nibda biex nikkumenta, għalkemm meta nibda ma nafx fejn sejjer nieqaf. Imma il-bażi tat-tmexxija ta’ din il-pajjiż illum huma l-flus kif qed jidher bid-deher, kemm jekk ikun hemm Partit Soċjalità kif ukoll jekk ikun hemm Partit Nazzjonalista u ma niddejjaqx ngħid kemm jekk tkun il-Knisja wkoll. Il-viżjoni, l-etika, ir-rsponsabbiltà morali u soċjali, huma kollha “ħmerijiet” taż-żmien in-nanna. Qisu dan il-pajjiż qatt ma libes qalziet u meta libsu ħammeġ fih kif ilma naraw għal dawn l-aħħar snin f’kull qasam tat-tmexxija tal-entitajiet soċjali: kemm pulitiċi, reliġjużi, kummerċjali, trejdjunjonisti, insomma, ma nistax insemmi ‘l-kulħadd. .

    Wara li l-Partit Nazzjonalista ħalla (jew għin lill-MEPA) biex taħtaf u tiħħajġajka lid-Dipartiment tal-Ambjent, u tagħmillu sarima u torbotlu jdejh, il-Partit Laburista tefa’ lid-Direttorat tal-Ambjent fil-limbo biex żgur ikisser dak il-ftit li kien baqa’ mill-amministrazjzoni l-oħra. Dan illum ma hu responsabbli minnu ħadd, għalkemm il-Prim Ministru ma jistax jaħrab minn din ir-responsabbità. Illum id-Direttorat tal-Ambjent huwa hemm imżeblaħ, injorat, bla-kap u bla kuda, bil-ħaddiema tiegħu imkissrin psikoloġikamanet fost il-fragmentazzjoni li il-Gvern waqqaf. X’hemm aħjar biex il-MEPA tieħu deċiżjonijiet li kieku ma kinitx tkun tista’ tieħu kieku kien hemm Awtorità tal-Ambjent taħdem bis-serjetà. Illum il-MEPA saret aġenzija tal-Iżvilupp u dawk kollha li jagħmlu parti tad-deċiżjonijiet li tiegħu l-MEPA huma responsabbli quddiem il-poplu tal-lum u ta’ għada fuq il-massakkru li qed isir fl-ambjent u fis-soċjetà sempliċiment biex jakkomoda attivitajiet finanzjarji. U kif għidt int l-indikazzjonijiet huma li sejrin naraw ħafna aktar minhekk. Sakemm neqirdu kollox b’mod uffiċjali u mbagħad inħallu lil ta’ warajna biex isolvu l-problemi huma. Kif għamlu ukoll ta’ qabel.

    Il-Partit Nazzjonalista mill-banda l-oħra għadu ma jafx x’laqtu. Uffiċjalment jitkellem b’mod, filwaqt li uffiċċjal għoli fil-partit jitkellem kontrih fuq bażi personali. U minħabba li hemm interess kbir ta’ flus, allura dan mhux konflitt ta’ interess!

    Iltqajt ma ħabib kbir tiegħi Laburist minn Bormla u meta għidtlu li stennejt ftit aktar minn Partit Soċjalists fil-qasam tal-ambjent, infaqa’ u staqsini minn qalli li dan huwa partit soċjalista. Qalli dan huwa moviment fejn lanqas il-kelma socjalist ma tissemma. U diġà jidher li l-ilpup ta’ dawk li l-alla tagħhom huma l-flus diġà ħakmuh lil dan il-partit fil-gvern. Hemm ħafna obbligi mid-dehra, u dawk l-obbligi lejn is-soċjeta u l-ambjent mhux qegħdin ‘il fuq fil-lista, jekk qegħdin fil-lista madankollu.

    Jidher li għal dawk li jridu jbiegħu ruħhom, il-prinċipji, il-partit u l-pajjż, l-alla tagħhom huma l-flus mid-dehra posthom huwa fil-partiti politiċi. U dan alla qed jikber sakemm ma jkun jistà jikkontrollah ħadd.

    Miskina l-ġenerazzjoni ta’ għada kif sejra ssib pajjiż stuprat. Imma dawn min jafhom.
    Naħseb ħadtlek ftit spazju fuq il-blog tiegħek mhux hazin u aħjar nieqaf hawn għax tiċċensurani.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s