Wara l-każ Norman Vella: min qiegħed imexxi l-korp?

Silvio Scerri + Peter Paul Zammit

Li l-Pulizija jinvestigaw suspett ta’  reat hu sewwa.  Imma li wara li teżamina l-affarijiet u ma issib xejn tibqa’ tippersisti mhux sempliċi żball iżda abbuż.

Is-sentenza tal-Maġistrat il-lejla illi ma kien hemm l-ebda suspett raġjonevoli li Norman Vella wettaq xi reat hu ċertifikat ċar li l-Pulizija abbużat mill-poteri tagħha.

Huwa inkwetanti  li l-Pulizja sa dal-għodu, fi kliem il-Kummissarju tal-Pulizija, kienu għadhom qed jinvestigaw xi ħaġa li ma kienitx teżisti.

Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati hemm bżonn li l-Kummissarju tal-Pulizija jispjega ftit x’ġara. Jeħtieġ li jispjega x’rapporti saru u x’ser jagħmel issa li irriżulta li r-rapporti li l-Pulizija irċeviet mingħand żewġ persuni identifikati  kienu rapporti foloz.

Sfortunatament minn dan il-każ jidher ċar li dan m’huwiex każ ta’ inkompetenza imma iktar każ ta’ abbuż.

Ikun tajjeb jekk il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit jirrealizza li b’dan il-każ li sar taħt it-tmexxija tiegħu tal-Korp tal-Pulizija beda jkun ċar li l-korp m’huwiex immexxi sewwa.

Il-mistoqsija li tagħha tinħtieġ tweġiba hi: min qiegħed imexxi l-korp fir-realta’? Żgur li mhux Peter Paul Zammit ! 

Bla dubju l-abbuż ikompli.

Prosit Norman.

Meta ex-Prim Ministru korrott xtara passaport mingħand il-Montenegro

Taksin with Montenegrin passport

Thaksin Shinawatra kien Prim Ministru tat-Tajlandja bejn l-2001 u l-2006. Fl-2006 tneħħa minn kolp ta’ stat b’akkużi ta’ korruzzjoni u abbuż ta’ poter.

Minn dakinhar sal-lum għex prinċipalment fid-Dubai.

Meta ħarab mit-Tajlandja ftit wara l-kolp ta’ stat kien xtara l-Manchester City l-klabb tal-futbal Ingliż.

Kien nefaq 82 miljun lira sterlina biex xtara 75% tal-isħma tal-klabb iżda ftit wara biegħu lil investituri Għarab minn Abu Dhabi.

Maħrub minn pajjiżu li jridu lura biex jgħaddi proċeduri kriminali dwar korruzzjoni, Thaksin Shinawatra xtara ċ-ċittadinanza tal-Montenegro. Il-Montenegro toffri ċ-ċittadinanza lil min jinvesti iktar minn €500,000 fil-pajjiż. Ftit irħas minn kemm ser tiġi tiswa ċittadinanza ekonomika f’Malta.

U bil-ħaqq ftit wara li l-Montenegro beda l-proċess biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropeja, fuq talba tal-EU, fl-2010 l-Montenegro iffriża l-bejgħ tal-passaporti.

Malta qed tiġri wara dawn it-tip ta’ klijenti.