Xaqq ta’ dawl fil-Parlament ?

ray-of-hope

Id-diskussjoni tal-lejla fil-Parlament dwar dak li ġara fil-Kunsill Ewropew, bħalma jiġri bosta drabi fil-Parlament wasslet għal diversi espressjonijiet bombastiċi.

Malta, qalilna Joseph Muscat warrbet għal kollox is-sens ta’ inferjorita, qamet fuq saqajha u bdiet issemma leħinha. Wow………………………..

Min-naħa l-oħra Simon Busuttil qalilna li Joseph Muscat jagħmilha tal-cowboy f’Malta u tan-nagħġa fi Brussels.

Dikjarazzjonijiet dawn li juru li l-iktar importanti il-lejla fil-Parlament kien l-argument partiġjan. L-appell għas-sentiment populista. Wieħed ifaqqa’ mod u l-ieħor ifaqqa’ bil-maqlub.

Imma kien hemm xaqq żgħir ta’ dawl fid-diskors ta’ Mario de Marco li appella għal posizzjoni komuni u dan għax hemm biżżejjed qbil li fuqu tista’ tinbena din il-posizzjoni waħda fl-interess nazzjonali.

Ma nafx jekk hux tad-daħq inkella tal-biki li fuq il-poliitka tas-servizzi finanzjarji l-Gvern u l-Opposizzjoni jaqblu li hemm kunsens fl-interess nazzjonali imma dwar bnedmin tad-demm u l-laħam vittmi f’pajjiżhom u vittmi ukoll tal-istituzzjonijiet internazzjonali m’hemmx li jaqblu.

Ma nistgħux nitkażaw bl-Unjoni Ewropeja li sabet il-mezzi biex turi solidarjeta mal-banek falluti u ma tistax taqbel fuq solidarjeta’ mal-pajjiżi effettwati mill-immigrazzjoni irregolari.

X’hemm differenti? Pajjiżna għandu l-istess prijoritajiet tal-ewropej: fuq il-flus naqblu malajr. Il-bqija jista’ jistennew.