Simon ma jiftakarx

busuttil_with_gonzi

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum tkellem dwar id-diversi ħatriet ta’ Membri Parlamentari mill-Gvern tal-Labour. Qalilna li dawn il-ħatriet huma ipokrezija politika.

It-Times online illum tirrapporta hekk :

“ This government, Dr Busuttil said, had  an element of immorality in how it behaved, buying people’s silence at taxpayers’ expense.”

Taf x’ma qalx Simon?  Li Joseph tgħallem sewwa minn dak li ipprova jagħmel Lawrence Gonzi. Forsi Simon ma jiftakarx, għax ma kienx Malta, meta inħolqot il-kariga ta’ Assistent Parlamentari u fiha Gonzi ħatar il-backbenchers kollha (inkluż lil Franco Debono) . Wara Dr Gonzi kien għadda biex ħatar lil dawk li kien baqa’ mill-backbench f’ħatriet oħra : JPO (Kunsill tax-Xjenza u Teknoloġija), Ċensu Galea (Chairman tal-BICC). Dawn il-ħatriet minn Dr Gonzi kienu saru specifikament biex jagħlaq ħalq il-backbenchers. Dejjem s’intendi bil-kaxxa ta’ Malta tħallas.

Kien hemm wieħed biss li irrifjuta l-ħatra t-Tabib Jean-Pierre Farrugia.

Imma fejn irid Simon ma jiftakarx.

Passaporti għall-bejgħ u Cecilia Malmström

Tajikistan_PassportMalta golden passport 1

Il-Gvern irid ibiegħ il-passaporti. Passaport ta’ Malta mingħand Joseph Muscat jiġi jiswa’ €650,000. Magħhom trid iżżid €25,000 għal passport ieħor għall-mara u €25,000 għal kull wieħed mit-tfal.

Għadu mhux magħruf jekk hemmx discount għal min jixtri passaport għal iktar minn mara waħda.

Ġie ippubblikat abbożż ta’ liġi biex jemenda il-liġi taċ-ċittadinanza.

Saret ukoll laqgħa immexxija minn Joe Vella Bonnici ex-kandidat tal-Labour li ser ikun inkarigat mill-aġenzija ġdida Identity Malta. Il-laqgħa kienet indirizzata mill-konsulenti Ingliżi tal-Gvern Henley & Partners. Imma qed jingħad li din il-laqgħa spiċċat bil-banda b’Vella Bonnici u dawk li kellu quddiemu jgħajjtu b’ħanġra daqshiex.

Qed jinkitbu ħafna artikli u bosta kummenti dwar din il-politika ġdida ta’ kif il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat ser ibiegħ il-passaporti. Ġiet deskritta bħala politika friska u moderna li tikkuntrasta mal-politika preistorika li kellna sal-lum.

Qiegħed jingħad li dawn il-passaporti m’humiex ser jingħataw bl-addoċċ. Il-Gvern għandu target li matul is-sena finanzjarja li ġejja jdaħħal €30 miljun mill-bejgħ ta’ dawn il-passaporti. Dan ifisser li qed jippjana għal madwar 40 applikazzjoni li skond kemm ikun hemm persuni dipendenti jew assoċjati mal-applikanti jista’  jfisser il-ħruġ ta’ madwar 200 passaport.

Intqal ukoll li l-applikazzjonijiet ser ikunu mgħarbla sewwa u ser ikun hemm attenzjoni speċjali biex ma jkunx hemm karattri dubjużi li jingħataw dawn il-passaporti. Imma mbagħad qalulna ukoll li l-ismijiet ta’ dawk li ser jingħataw dawn il-passaporti ser jibqgħu sigrieti. Dik l-informazzjoni skond il-Gvern għandha tkun kunfidenzjali magħrufa biss bejn il-Gvern u min jiffirma iċ-ċekkijiet għal dawk it-€30 miljun.

L-impressjoni li qed tingħata hi li l-filosofija bażika ser tkun li bil-flus tagħmel triq fil-baħar. Triq li twassal sar-Repubblika ta’ Malta li jekk għandek il-flus tiftaħlek il-bibien beraħ. Dan huwa l-mod modern ta’ kif titkabbar l-ekonomija. Min-naħa l-oħra għandna diġa l-assigurazzjoni li l-Gvern ser joqgħod ultra-attent biex ma jkunx hemm karattri dubjużi li jakkwistaw dan il-passaport.

Ngħid jiena kif nistgħu nieħdu dan il-Gvern bis-serjeta’ jekk fost il-persuni li għażel bħala l-konsulenti tiegħu hemm ċerta Shiv Nair. Id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Gvern [jekk nemmnu dak li qed jgħidu] jfissru li l-Gvern ta’ Muscat mhux kapaċi jagħmel il-vetting neċessarju għax ġiet ippubblikat l-informazzjoni dwar dan Shiv Nair li jnisslu suspetti serji: informazzjoni li din il-persuna qegħda fuq il-blacklist tal-Bank Dinji minħabba frodi.

Dawn l-affarijiet kollha juru x’tip ta’ nies jistgħu jixtru l-passaport Malti. Juru ukoll għaliex kollox ser jibqa’ mistur.

Il-messaġġ li Muscat qiegħed jagħti huwa preċiżament dan: jekk għandek il-flus tikkonfondi xejn, anke jekk ħadd ma jridek . Malta taħt Joseph Muscat toffrilek kenn. L-aqwa li tiffirma dak iċ-ċekk.

Imma l-messaġġ ikompli li jekk m’għandekx flus Malta m’għandniex post għalik. F’dak il-każ ċempel lil Cecilia Malmström il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropeja.

Pajjiżna jixraqlu aħjar.