Iċ-Ċimiterju madwarna, f’nofs il-Mediterran

-

F’nofs il-Mediterran, il-baħar ta’ madwarna, qiegħed bil-mod ikun ittrasformat f’ċimiterju. Ċimiterju ta’ bnedmin maħruba mill-gwerer u l-għawġ. Ċimiterju ta’ ħolm li sfaxxa.

Huma ċirkustanzi li qed jiżviluppaw madwarna minħabba l-posizzjoni ġejografika ta’ Malta.

F’dan il-kuntest Malta għandha obbligi imma għandha ukoll drittijiet.

Malta għandha l-obbligu li tagħti servizz ta’ salvataġġ. Li tagħti l-għajnuna lil kull min ikun f’diffikulta fiż-żona ta’ salvataġġ li hi responsabbilta’ ta’ Malta. Dan Malta qed tagħmlu. Dan  l-aħħar b’impenn kbir. Għal żmien qasir kien hemm min kien qed jaħsibha jekk jissospendix l-obbligi internazzjonali tal-pajjiż, imma fortunatament din tidher li kienet fażi li għaddiet – nispera biss li ma terġax lura.

L-obbligu li Malta tagħti servizz ta’ salvataġġ ma jfissirx li Malta m’għandhiex ukoll drittijiet.

Malta flimkien ma Lampedusa hi għassiesa ta’ din il-parti tal-fruntiera fin-nofsinnhar tal-Unjoni Ewropeja. M’għadhiex iktar fruntiera ta’ Malta jew fruntiera tal-Italja iżda hi fruntiera tal-Unjoni Ewropeja.

Ir-responsabbilta li tirriżulta minn dan kollu għaldaqstant m’hiex ta’ Malta jew tal-Italja waħedha iżda tal-Unjoni kollha. Huwa għalhekk li l-Unjoni Ewropeja għandha l-obbligu morali li flimkien magħna terfa’ din ir-responsabbilta.

F’dan il-mument diffiċli huwa neċessarju li bħala pajjiż nibqgħu ffukati fuq li nagħmlu dmirna anke’ jekk ħaddieħor jibqa’ jkaxkar saqajh biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu. Jeħtieġ ukoll li nevitaw paroli vojt li jista’ jkun interpretat ħażin. Ma nara xejn ħażin li fil-mument addattat pajjiżna, kemm jekk waħdu jew preferibilment ma pajjiżi oħra milqutin bħalna jieħu dik l-azzjoni li tkun xierqa fiċ-ċirkustanzi. Azzjoni ikkalkulata biex tħares l-interess nazzjonali fit-tul.

Fil-waqt li l-interess nazzjonali jitlob dan, fl-istess ħin nibqgħu obbligati li nagħmlu d-dmir tagħna u dan irrispettivament minn dak li jagħmel ħaddiehor. Malta qatt ma nħakmet mill-kultura tal-indifferenza. L-ospitalita’ dejjem kienet karatteristika li tiddistingwina minn oħrajn. Hekk għandna nibqgħu f’din is-siegħa tal-prova. Dan minkejja li nibqgħu ninsistu li ħaddieħor jistenbaħ u jwettaq dmiru huwa ukoll. B’hekk ikun evitat li l-baħar ta’ madwarna jsir ċimiterju mhux biss ta’ iġsma iżda fuq kollox ċimiterju ta’ ħolm u aspirazzjonijiet li sfaxxaw.

Advertisements

One comment on “Iċ-Ċimiterju madwarna, f’nofs il-Mediterran

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s